ŻOMM AĠĠORNAT:

F’laqgħa li kellu dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lil Pierre Portelli sabiex jaċċetta l-ħatra ta’ Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link, il-kumpannija tal-Partit Nazzjonalista li tiġbor fiha l-mezzi ta’ kommunikazzjoni kollha tal-partit.

Pierre Portelli aċċetta u se jkun qed jiformalizza din il-ħatra fi ħdan l-istrutturi tal-partit fil-jiem li ġejjin hekk kif jiġi fformat Bord ġdid.

Adrian Delia qal li Media.Link għandha quddiemha sfidi kbar u kien għalhekk li talab lil Pierre Portelli sabiex jiffokadwar kif se jtejjeb il-mezzi kollha ta’ kommunikazzjoni tal-partit Nazzjonalista sabiex jitwassal il-messaġġ tal-PartitNazzjonalista mhux man-Nazzjonalisti biss iżda mal-Maltin kollha. 

Pierre Portelli huwa gradwat fil-kommunikazzjoni u għandu ħamsa u għoxrin sena esperjenza fil-ġurnaliżmu u fil-media. Kien ġurnalist ma In-Nazzjon u Il-Mument, preżentatur fuq Radio 101 u Kap tal-Aħbarijiet ta’ Net TV. 

Fl-2004 ħoloq il-kumpanija ta’ produzzjoni Watermelon Media li kellha diversi suċċessi fil-qasam tat-televiżjoni Maltija. Kien President tal-Amministrattiv u membru tal-Eżekuttiv tal-PN bejn l-2009 u l-2012. Fl-2013 ingħaqad ma’ The Malta Independent bħala Direttur responsabbli mill-kontenut u business. Pierre Portelli irriżenja mill-kumpanniji kollha sabiex jibda l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista. Riċentament hu reġa' ġie elett fil-Kunsill Eżekuttiv tal-partit.

Pierre Portelli huwa miżżewweġ lil Diane u flimkien għandhom tlett itfal.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Pierre Portelli fil-ħidma l-ġdida li aċċetta li jidħol għaliha sabiex jissaħħu l-mezzi tal-kommunikazzjoni tal-Partit.

17.11.2017