ŻOMM AĠĠORNAT:

Reazzjoni għar-riżenja ta’ Kunsillier Lokali f’San Pawl il-Baħar

Wara li fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar il-bieraħ żewġ Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista – Robert Piscopo u Joseph Vella – għażlu li jivvutaw kontra l-interess tar-residenti billi xekklu l-ħatra ta’ tliet impjegati ġodda fi ħdan il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, il-Partit Nazzjonalista jaċċetta r-riżenja ta’ Robert Piscopo li għażel li jibqa’ fil-Kunsill bħala Kunsillier indipendenti.

Qabel ma vvota kontra l-interess tar-residenti, is-sur Piscopo kien ilu snin jhedded li se jirriżenja jekk il-Partit Nazzjonalista ma jneħħiex lis-Sindku Graziella Galea, minkejja li din ġiet eletta b’mod demokratiku billi rċiviet l-akbar numru ta’ voti mill-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li ħadd m’huwa akbar mill-partit u ħadd ma jista’ jhedded lill-Partit Nazzjonalista biex imur kontra r-rieda demokratika tan-nies. B’hekk wara li Robert Piscopo ingħata ċans biex jirregola ruħu, u wara l-avveniment fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali l-bieraħ, il-Partit Nazzjonalista jaċċetta r-riżenja tiegħu.

Fir-rigward tal-Kunsillier Joseph Vella, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jibgħat il-każ quddiem il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista sabex jibda proċess biex jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tas-sur Vella.

Matul l-istess laqgħa tal-bieraħ, irriżenja minn Kunsillier Lokali David Thake wara li vvota mal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista favur l-interessi tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil David Thake tas-servizz li ta fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

11.17.2017