ŻOMM AĠĠORNAT:

Sal-aħħar ta’ Jannar li ġej, Il-Partit Nazzjonalista se jkun ħejja proposti konkreti u fattibbli biex iwasslu għar-riforma fil-qasam tal-Kunsilli Lokali. Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Robert Cutajar qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jittrattaw diversi temi mportanti, fosthom: l-irwol tal-Kuunsilli Lokali fil-qasam soċjali fi ħdan il-komunitajiet; prattiċi aktar effiċjenti u inqas burokratiċi fl-operat ta' kuljum tal-Kunsilli Lokali; l-iżvilupp tar-responsabilitajiet tal-Kumitati tar- Reġjuni; l-infurzar tal-liġijiet fil-lokalitajiet b'aċċenn fuq l-ambjent; il-mod ta' kif tinħadem l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali; u il-Vot 16.

Robert Curtajar qal li l-Partit Nazzjonalista għadu innovattiv fejn jidħlu il-Kunssilli Lokali, bħalma kien 25 sena ilu meta introduċiehom f’pajjiżna. Huwa qal li t-timeframe għall-preżentazzjoni ta’ proposti ġodda sar bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Il-Kelliem għall-Kunsilli Lokali qal li d-dokument finali se jkun mibni fuq l-esperjenza u s-sehem tal-Kunsilliera Lokali. Għal dan il-għan, qal Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza konferenza fejn il-Kunsilliera Lokali kollha huma mistiedna jiddiskutu ideat dwar diversi temi relatati. Huwa qal li l-Konferenza se tkun nhar is-Sibt 2 ta’ Diċembru fil-Lukanda The Palace, f'Tas- Sliema. 

Is-segretarju tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli spjega li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippjana wkoll inizjattivi intiżi li jappoġġjaw ix-xogħol tal-Kunsilliera Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista se jibda joffri taħriġ għall-Kunsilliera Lokali flimkien ma’ kandidati prospettivi sabiex dawn ikunu preparati aħjar għal dak li ġġib magħha responsabilità fi ħdan il-Kunsilli Lokali, qal Pierre Portelli. Huwa qal li dan il-proċess ser ikun qed jigi kkordinat mill-istess fergħa tal-Partit Nazzjonalista li tirraprezenta l-Kunsilliera Lokali kollha ta' Malta u Għawdex.

17.11.2017