ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ delegazzjoni mill-Alternattiva Demokratika

Il-partiti politiċi għandhom l-obbligu li jaħdmu flimkien fl-interess tar-reputazzjoni ta’ Malta, speċjalment b’dak li għaddej minnu pajjiżna llum. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Alternattiva Demokratika mmexxija minn Carmel Cacopardo.

Adrian Delia qal li f’dan il-mument kritiku huwa mportanti aktar minn qatt qabel li l-partiti politiċi jħabbtu l-ideat tagħhom għall-ġid tan-nies. Huwa tenna li permezz tad-differenzi ta’ bejniethom il-partiti politiċi għandhom l-abbiltà li jirrapreżentaw id-diversità sħiħa tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjoanlista qal li huwa ta’ pjaċir għalih li jżomm djalogu mal-Alternattiva Demokratika li jwassal għall-bidla f’pajjiżna li hemm bżonn.

Min-naħa tegħu iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li bħalissa pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni li tirrekjedi skambju kontinwu bejn il-partiti politiċi. Huwa qal li bħalissa hawn klima li qed tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta filwaqt li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qiegħdin jiddgħajfu. Carmel Cacopardo sostna li issa sar urġenti li titlaqqa’ il-Konvenzjoni għar-riforma fil-Kostituzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Affarijiet Parlamentari Mario de Marco, mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, u mill-Kap tal-Uffiċju Edward Mizzi.

17.11.2017