ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista llum qiegħed ifakkar Transgender Day of Remembrance (TDOR) li hija dik il-ġurnata li tfakkar il-memorja ta' dawk it-transgenders kollha li inqatlu vjolentement kagun ta’ mibegħda u intolleranza lejn l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. 

Il-Partit jikkundanna kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni. Għaldaqstant il-bandiera ta’ Malta fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà ser tkun mtella’ mezz’asta bħala sinjal ta’ luttu u turija ta’ rispett u solidarjetà. 

Il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li jrid ikun strumentali biex jgħin persuni transgender li qed ibgħatu minhabba kull forma ta’ diskriminazzjoni, bullying u abbuż fiżiku jew psikoloġiku. 

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li minkejja li mxejna ’l quddiem, għad hawn ħafna nuqqas ta’ informazzjoni dwarpersuni transgenders. Il-Partit Nazzjonalista jemmen illi l-edukazzjoni hija l-aqwa arma sabiex niġġieldu din il-misinformazzjoni li twassal għal mibegħda u l-intolleranza. 

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jsostni li hemm ħtieġa ta’ kampanja edukattiva fuq skala nazzjonali sabiex dan jsehh. Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ diversi pożizzjonijiet li ħa matul dawn l-aħħar snin, u permezz tal-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdanu, diġà wera li tassew jemmen fid-dritt, fir-rispett u fl-ugwaljanza ta’ kull persuna fis-soċjetà, inklużi trans, u jrid ikompli jaħdem bis-sħiħ biex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn in-nies, u dan għandu jkun rifless fil-kurrikulum u fis-sillabi, speċjalment fil-lezzjonijiet tal-PSCD. Għandha tingħata enfasi għall-ugwaljanza u nuqqas ta’ diskriminazzjoni fl-iskejjel.

Fost oħrajn, l-iskejjel għandhom b’responsabbiltà u fl-eta idoneja jorganizzaw attivitajiet fejn temi ta’ diversità fl-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali tiegħu kunu mressqa. Dan għandu jgħin sabiex jitqajjem għarfien kemm mal-istudenti kif ukoll mal-għalliema u ħaddiema oħra fl-iskejjel. 

Illum il-Partit Nazzjonalista mhux biss qed ifakkar din il-ġurnata importanti għall-persuni li jinsabu fi gruppi ta’ minoranza, iżda qed jistedenhom biex iwasslu il-proposti tagħhom lill-Partit Nazzjonalista  sabiex flimkien nkunu nistgħu ntejbu il-kwalità tal-ħajja tagħkom. 

Permezz tat-tifkira tal-ġurnata Transgender Remembrance Day, il-Partit Nazzjonalista qed jsostni l-pożizzjoni u l-prinċipji tiegħu, li jpoġġi lill-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni, fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, u jrid iwassal messaġġ ċar u qawwi li l-ħajja ta’ kull persuna hija ugwali.

Dar_Centrali_Faccata_Mezzaasta-2.jpg