ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista jiċħad kategorigament li jinsab fis-sitwazzjoni finanzjarja prekarja kif intqal illum fil-ġurnal MaltaToday. Minkejja l-isfidi għal iżjed riżorsi, hija finzjoni li l-fondi tal-Partit Nazzjonalista se jwasslu biss sa l-aħħar ta’ Jannar.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna din l-ispin li qed jagħti l-Partit Laburista fil-mezzi tax-xandir tiegħu sabiex jipprova jiddistabbilizza l-pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li qed jimxi fuqu l-PN u li bih qed iġib il-finanzi tal-Partit fuq saqajhom.

L-amministrazzjoni l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista se tonora l-pjan ta’ ristrutturar li nbeda fis-snin li għaddew u li jaħseb sabiex numru ristrett ta’ propjetajiet jiġu sfruttati kummerċjalment. Kuntrarju ta’ dak li ntqal fil-ħarġa tal-ġurnal MaltaToday, mhux minnu li l-każin tan-Naxxar se jinbiegħ kif ġie allegat.

Il-Partit Laburista issa ilu jipprova jimmina r-riżorsi tal-Partit Nazzjonalista biex mingħalih jgħatti l-kollass tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Dan għaliex il-Partit Laburista jrid li f’Malta jkun hawn partit wieħed biss biex imexxi mingħajr skrutiju tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. B’hekk qed jipprova jiddistabilizza lill-Partit Nazzjonalista b’kull mod, anke billi jivvinta sitwazzjoni dwar il-finanzi tal-PN li mhix minnha.

Minflok, Joseph Muscat għandu jiddikjara kemm qed jagħti flejjes publiċi lil tal-qalba. Joseph Muscat għandu jgħid kemm qed jonfoq eluf ta’ Ewro f’reklami u kif dawn qed jitqassmu bejn media favurita tiegħu li taqdieh mill-koxxa u l-media veru indipendenti. 

Il-Partit Nazzjonalista jserraħ ras il-poplu Malti li l-finanzi tal-partit huma taħt kontrol u li l-Partit Laburista mhux se jirnexxielu jgħalaq ħalq l-Oppożizzjoni billi jiddistabilizza r-riżorsi tagħna. L-assi tal-Partit Nazzjonalista jisbqu l-obbligi finanzjarji u dan grazzi għall-għaqal li kellhom l-amministrazzjonijiet passati tal-partit u mhux billi ttieħdu propjetajiet publiċi b’valur li jaqbżu l-€10 miljun bħalma hu l-każ ta’ l-Australia Hall li Gvern Laburista irregala lill-Partit Laburista.

Fl-10 ta’ Diċembu l-PN se jkun qed jorganizza l-maratona anwali ta’ ġbir ta’ fondi, din id-darba bit-tema, ‘Jien lest li Ngħin’ u jħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba li jridu jaraw Oppożizzjoni b’saħħitha biex jikkontribwixxu. 

22.11.2017