ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-purtiera ta’ llużjoni li tella’ l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin issa bdiet taqa’ quddiem għajnejn kulħadd. Fl-aktar sena li pajjiżna rreġistra surplus, kellna l-akbar numru ta’ nies fuq il-preċpizju tal-faqar, bl-aħħar statistiċi juru li 100,000 persuna issa qiegħdin f’riskju tal-povertà. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħal Qormi bit-tema ‘Ġustizzja, Sigurtà, Libertà’.

Adrian Delia qal li jekk gvern korrott jista jikkrea l-ġid, gvern nadif Nazzjonalista jista’ joħloq aktar ġid; jekk gvern li ma jimpurtahx minn isem pajjiżu jirnexxielu joħloq ix-xogħol, gvern Nazzjonalista li jħobb lil pajjiżu se jirnexxielu joħloq aktar.

L-ebda pjan għas-saħħa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kellna l-illużjoni li l-qasam tas-saħħa f’pajjiża kien miexi b’mod perfett iżda r-realtà hija li ta’ kuljum jaslu rapporti li s-sistema sejra lura u mhux ‘il quddiem. Malta baqgħet l-ewwel fil-marda tad-dijabete, qal Adrian Delia, u minkejja li l-Gvern sena wara l-oħra wiegħed li se jagħti l-isticks tal-kura tad-dijabete b’xejn, baqa’ qatt ma għamel hekk.  

Lanqas is-saħħa metali ma jieħu bis-serjetà il-Gvern, tenna Adrian Delia. Huwa semma kif is-sitwazzjoni fi Sptar Monte Karmeli issa hija gravi. Adrian Delia qal li huwa preokkupanti kif, wara li bi traskuraġni pazjent spiċċa miet bil-Leġjonella, il-Gvern naqas milli jirraporta dan il-każ ta’ nfezzjoni bħalma huwa obbligat bil-liġi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-għoxrin sena li ġejjin se tiżdied id-domanda għad-djar tal-anzjani iżda l-Gvern mhu qed jagħmel l-ebda pjan, la fejn hija l-art, fejn se jsiru l-investimenti, jew minn fejn se jinstab il-kapital. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li l-Gvern jiftaħar bil-ġid ekonomiku, mhuwiex kapaċi jaħseb għall-futur qrib.

L-ebda pjan għat-trasport

Adrian Delia qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu jċemplu mijiet ta’ persuni  b’mod organiżżat biex jilmentaw fuq is-sistema tat-trasport. Huwa qal li minkejja li minn mindu tela’ Gvern Laburista dawn waqfu, din il-ġimgħa stess numru ta’ esperti stqarrew it-tħassib tagħhom miegħu li n-nuqqas ta’ pjanifikazzjoni fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, b’mod partikolari f’żoni ta’ densità għolja, se twaasal f’sitwazzjoni f’pajjiżna ta’ total gridlock fi żmien tliet snin. Il-Gvern mhuwiex jippjana lanqas għall-ftit snin li ġejjn, qal Adrian Delia.

L-ebda pjan għas-settur finanzjarju

II-settur tal-servizzi finanzjarji inħoloq u kiber grazzi għall-Gvern Nazzjonalista, qal Adrian Delia, Huwa tenna  li waqt konferenza li saret ftit jiem ilu, il-Prim Ministru naqas milli jagħti l-viżjoni li dan is-settur u pajjiżna tant għandhom bżonn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk wieħed jifhem dak li qed jgħid Joseph Muscat, huwa ta’ tħassib kbir għax jidher li l-Gvern mhux qed jgħaraf il-problema. 

L-isfida ewlenija fis-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna llum, qal Adrian Delia, hija r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li Malta kienet ħadmet bla qatiegħ sabiex tibni ċentru ta’ servizzi finanzjari ta’ eċċellenza u li matul is-snin din ġabet investiment li pajjiżna għadu jgawdi minnu sal-lum. Fl-aħħar erba’ snin taħt Gvern Laburista, din ir-reputazzjoni marret il-baħar, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u issa minflok niftaħru b’pajjiżna rridu mmorru niddefendu isem pajjiżna.

Il-problema fundamentali ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, qal Adrian Delia. Huwa fakkar kif meta sar Kap tal-Partit Laburista, Joseph Muscat kien qal li huwa qed jaħseb biex jagħmel għaxar snin Prim Ministru u mhux qed jaħseb x’se jiġri minn pajjiżna wara li huwa jitlaq. Adrian Delia qal li Joseph Muscat tant ma jinteressahx minn Malta li ħsiebu biex ibiegħha, u jagħtieha lill-barranin mhux magħrufa.

Politika tas-sewwa mhux tal-konvenjenza

Il-Partit Nazzjoanlista fil-Gvern kien għamel liġi li tipproteġi il-ħajja tal-embrijun permezz tal-Embryo Protection Act, qal Adrian Delia. Huwa fakkar li f’dik il-liġi il-Gvern flimkien mal-Oppożizzjoni kienu għamlu definizzjoni ta’ ġenitur bħala mara u raġel. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tajba issa li l-ġenituri jkunu jistgħu jingħataw l-assistenza medika sabiex isiru ġenituri, inkluż billi jingħataw siegħat ta’ leave bħalma tipproponi l-legal notice li ppreżenta l-ministru.

Adrian Delia qal li, iżda, l-Oppożizzjoni stiednet lill-Gvern sabiex qabel jgħaddi dan l-avviż legali, tinbidel il-liġi ħalli d-definizzjoni ta’ ġenitur tiġi konsistenti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, minflok fetaħ il-bieb għad-diskusjoni fuq materja delikata, il-Gvern għażel li jipprova jgħaddi mit-tieqa mingħajr ma jsib qbil bejn il-partijiet kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kien ikun eħfef li kieku l-Oppożizzjoni għamlet bħall-Gvern biex tingħoġob, u njorat il-prinċipji delikati. Iżda, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa differenti mill-Partit Laburista għax ifittex dejjem dak li huwa korrett flok dak li huwa faċli.

Id-diversità tgħaqqad il-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu persuni li għandhom ideat differenti minn xulxin, u qal li huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista biss jista’ jagħmel id-differenza. Il-Kap tl-Partit Nazzjonalista qal li d-diversità tal-ideat għandha tkun l-akbar sors ta’ għaqda speċjalemt quddiem Gvern li jrid jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-forza li biddel il-ħajja tal-pajjiż u tal-familji għall-aħħar sena, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jieħu  l-politika bis-serjetà għax jemmen tassew li pajjiża għandu bżonn ta’ Gvern li jħobb lil pajjiżu. Huwa qal li, f’dan il-mument iktar minn qabel, Malta għandha bżonn ta’ Gvern li jaħseb fit-tfal u mhux fil-but ta’ dawk ta’ madwaru.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-mod ġdid tal-politika qiegħed joffri tama ġdida għall-istudenti, negozjanti, familji, u anke Laburisti li issa xebgħu minn kif jimxi l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Huwa qal li anke l-barranin li ilhom jgħixu Malta issa qed jibdew jinkwietaw ukoll dwar dak li qed jiġri f’Malta. Il-kritika ma tfissirx li inti negattiv, qal Adrian Delia, iżda li tħobb lil pajjiżek.

26.11.2017