ŻOMM AĠĠORNAT:

Annessa: L-ittra mibgħuta lill-Prim Ministru.

Il-Ministru Carmelo Abela għandu jirriżenja minnufih

II-Prim Ministru huwa obbligat li jassigura l-għola protezzjoni, mhux biss tal-liġi iżda wkoll tal-forza tal-Ordni, għal Joanthan Ferris, il-familja, u l-proprjetà tiegħu. Dan qalu l-Kap tal-Oppżizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament.

Adrian Delia qal li huwa se jibgħat ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jindikalu li, fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat f’dawn l-aħħar ġanet, huwa qiegħed jgħabbih bir-reposnsabbiltà politika għas-sigurtà ta’ Jonathan Ferris.

Adrian Delia qal li wara li l-Oppożizzjoni ilha tistaqsi għall-informazzjoni fil-Parlament, issa ġie żvelat li kien il-Ministru Carmelo Abela li ndaħal fix-xogħol tal-Pulizija. Il-bieraħ, qal Adrian Delia, il-Ministru Carmelo Abela nnifsu ħareġ stqarrija li kkonfermat dan l-indħil bħalma kien sostna Jonathan Ferris stess. 

L-Oppożizzjoni qiegħda għalhekk, tenna Adrian Delia, issejjaħ għar-riżenja b’mod immedjat tal-Ministru Carmelo Abela. Jonathan Ferris kien qed jagħmel indaġni bħala uffiċjal tal-Pulizija meta dan sab indħil mill-Ministru responsabbli mill-Korp, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-istess Jonathan Ferris, din id-darba bħala impjegat tal-FIAU, safa mkeċċi ħesrem minn xogħlu hekk kif kien miexi biex jinvestiga lill-għola uffiċjali, inkluż lill-Prim Ministru nnifsu. Adrian Delia qal li filwaqt li qiegħed jara kif jiġġieled għad-drittijiet tiegħu u jipproteġi l-informazzjoni li kellu, is-sur Ferris issa jinsab beżgħan għas-sigurtà tiegħu nnifsu u tal-familja tiegħu.

Il-kriminalità issa qed tikkmanda hi, sostna Adrian Delia. Huwa qal li l-każ ta’ Jonathan Ferris irid jittieħed f’kuntest fejn meta jinqatlu l-persuni f’pajjiżna jibqa’ ma jinstab responsabbli ħadd. Huwa tat-tkexkix li Jonathan Ferris jistqarr li qed jagħmel preparazzjonijiet f’każ li jiġi maqtul, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li minkejja din is-sitwazzjoni inkwietanti, il-Prim Ministru jibqa’ sieket u ma jgħid xejn. Għal darb’oħra għandna persuna li qed tistqarr li ħajjitha qiegħda f’perklu, tenna Adrian Delia. Huwa qal li l-ħajja ta’ Jonathan Ferris u tal-qraba tiegħu għandhom jiġu protetti, bħalma għandha tiġi protetta l-informazzjoni li ghandu s-sur Ferris.  Adrian Delia qal li dan ma jridx isir biss fl-interess tal-familja Ferris, iżda wkoll fl-interess nazzjonali u huwa għalhekk li qiegħed jgħabbi lill-Prim Ministru bir-responsabbiltà politika għall-ħajja ta’ Jonathan Ferris.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Beppe Fenech Adami, u mill-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.

30.11.2017