ŻOMM AĠĠORNAT:

Dak li ġie żvelat illum dwar il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u l-Vitals Global Health Care jikkonferma d-dubji li ilu jitkellem dwarhom il-Partit Nazzjonalista. Il-Gvern għandu jieqaf jaħbi u jwieġeb għall-mistoqisjiet li qed isiru.

Sal-lum konna nafu li l-Gvern ta koncessjoni ta’ 3 sptarjiet tal-poplu: Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex,  lill-kumpanija barranija u misterjuża, li l-benefiċarji tagħha ma nafux min huma. 

Illum ġie żvelat li l-kontenut ta’ dawn it-3 sptarijiet inkluż l-apparat mediku ġie mibjugħ lil din il-kumpanija misterjuża għas somma skandaluża ta’ Ewro wieħed biss. Fatt li kien moħbi mill-poplu Malti billi ġie ingassat bl-iswed meta l-Gvern ippublika l-kuntratt.

Illum sirna nafu wkoll li VGH naqset milli tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha wara anqas minn sentejn topera dawn l-isptarijiet. Dawn l-obbligi wkoll kienu ingassati bl-iswed meta l-gvern ippublika l-kuntratt. 

Minkejja dan il-Gvern kompla għaddej b'dan il-kuntratt u saħansitra ħalla lil VGH tinnegozja u tbiegħ lil kumpanija privata oħra il-konċessjoni li ħadet fuq l-isptarijiet tal-polu Malti, daqs li kieku l-propjetà tal-poplu hi propjetà tagħha.

Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-kuntratt ma’ VGH kien deal skandaluż ma’ kumpanija misterjuża li missu qatt ma sar u li kellu jiġi revokat meta kien ċar li hemm nuqqasijiet kbar.

Il-Partit Nazzjonalista bħan-nies hemm barra għadu qed jistaqsi:

1.     X’se jagħmel il-Gvern issa li nkixef li d-deal skandaluż li daħal għalih ma’ kumpanija li ħadd ma’ jaf min huma s-sidien tagħha falla?

2.     X’penali impona l-Gvern fuq Vitals Global Healthcare wara li dawn naqsu milli jilħqu milestones importanti kif stipulati fil-kuntratt?

3.     Il-Gvern kif jispjega l-bejgħ tal-apparat kollu ta’ tlett sptarijiet għal Ewro wieħed biss? U għaliex ħass li għandu jingassa bl-iswed din il-parti meta ippublika il-kuntratt?

4.      Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals f’dawn is-sentejn li għamlu suppost imexxu l-isptarijiet? Kemm se jirkupra minnhom il-Gvern?

6.    La darba il-ftehim m’għadhux fis-seħħ, il-Gvern lest jippublika il-kuntratt kollu ma’ VGH mingħajr ħabi u ċ-ċensuri bil-linji suwed?

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistqarr li jinsab imħasseb b'dan il-każ xempju ta' nuqqas ta' trasparenza u nuqqas ta' governanza tajba. F'isem il-poplu Malti jeżiġi tweġibiet ċari u mingħajr ħabi.

31.12.2017