ŻOMM AĠĠORNAT:

Stqarrija għall-istampa minn Simon Busuttil MP

Nhar it-Tlieta filgħodu, permezz tal-avukat Jason Azzopardi, jiena preżentajt rikors quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li fih tlabtu jieħu pussess minnufih tal-informazzjoni kollha li l-awtoritajiet Ġermaniżi ħabbru li għandhom f’idejhom mill-PanamaPapers b’konnessjoni ma’ Malta.

Kif inhu diġa magħruf, il-Maġistrat Bugeja bħalissa għaddej b’inkjesta dwar il-kumpanija Egrant u kwistjonijiet oħra marbuta ma’ PanamaPapers.

L-istess rikors għamiltu wkoll lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li għaddejja b’inkjesta dwar allegat ħasil ta’ flus minn Keith Schembri dwar bejgħ ta’ passaporti kif ukoll il-Maġistrat Josette Demicoli li għaddejja b’inkjesta dwar allegat ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Adrian Hillman. 

Dawn it-talbiet għamilthom sabiex nassigura li l-informazzjoni f’idejn l-awtoritajiet Ġermaniżi tgħaddi b’mod sħiħ f’idejn il-Maġistrati inkwirenti bla ma tintmiss jew titbagħbas bl-ebda mod. 

Il-bieraħ, fuq talba tal-Maġistrat Bugeja, jiena xehedt bil-ġurament dwar it-talba tiegħi. 

Illum, il-Maġistrat Aaron Bugeja laqa’ t-talba tiegħi u informani li se jagħmel kuntatt dirett mal-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi sabiex dawn jipprovdulu kopja awtentika tal-informazzjoni li huma għandhom fil-pussess tagħhom mill-Panama Papers u dan sabiex din l-informazzjoni tkun miġbura, preżervata u analizzata fl-inkjesta tal-Maġistrat. 

Huwa ta’ għajb li f’pajjiż is-saltna tal-liġi qed tiġi mkasbra mill-Prim Ministru nnifsu hekk kif setgħet tara b’għajnejha id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew proprju llum. La darba il-Prim Ministru għadu jinsisti li ma jieħu l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, anzi li jżommhom fil-Kabinett tiegħu, l-unika triq li fadal biex tkun tista ssir ġustizzja hija li ċittadini bħali jieħu l-kwistjoni direttament il-Qorti. 

Nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi li din it-talba intlaqgħet mill-Maġistrat Bugeja u nittama li din l-informazzjoni twassal biex tkun tista’ ssir ġustizzja fuq l-iskandlu ta’ Panama li fih l-aktar żewġ persuni viċin il-Prim Ministru inqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama. 

Simon Busuttil

Deputat tal-Partit Nazzjonalista

 

01.12.2017