ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Gvern illum mhux biss qed jabbuża mill-poter li għandu iżda qed jieħu f’idejh ukoll poter li ma jispettahx. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza Konferenza tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia qal li l-Gvern qed jikser il-liġi għaliex qed jindaħal fejn, bil-liġi stess,m’għandux id-dritt li jindaħal. Huwa qal li din saret stwazzjoni perikoluża fejn f’pajjiżna qed jinkisru kull ġurnata r-regoli tad-demokrazija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet f’Malta din il-ġimgħa tkompli żżid mal-preokkupazzjoni li għandhom in-nies f’pajjiżna. Adrian Delia qal li filwaqt li d-delegazzjoni ġiet biex suppost isserraħ ras il-Parlament Ewropew, f’isem iċ-ċittadini sħabna Ewropej, li s-saltna tad-dritt f’Malta hija rispettata, il-membri tad-delegazzjoni marru lura aktar imħassba.

Joseph Muscat qed jipprova jilgħab il-karta li mn jitkellem favur is-sewwa huwa traditur ta’ pajjiżu, qal Adrian Delia. Iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’din is-sitwazzjoni għandna obbligu li nipproteġu lil pajjiżna. Huwa qal li għandna dmir li nitkellmu biex niddefendu d-demokrazija tagħna u Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jidħaq bin-nies meta jiġġustifika s-skiet u s-silenzju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa ta’ niket li d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew minflok Korp tal-Pulizija li qed jagħmel dmiru sabu nuqqas ta’ rieda. Huwa qal li dan jikkuntrasta sew mal-istampa li pprova jagħti il-Prim Ministru meta qal li qed jitlob l-għajnuna ta’ esperti barranin.

Adrian Delia qal li din mhix logħba partiġġjana u fil-fatt l-akbar kritiku ta’ Joseph Muscat hija l-Kap tad-Delegazzjoni Ana Gomes li tagħmel parti mill-famijla politika tal-Partit Laburista stess. 

Il-Kap ta-Partit Nazzjonalista qal L-Avukat Ġenerali lanqas ma jista’ jibqa’ jabdika minn dmirijietu u jekk ma jridx jagħmel xogħlu, il-Prim Ministru għandu jieħu r-responsabbiltà ta’ dan kollu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-gravità tas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha titlob li nitkellmu dwarha f’kull opportunità u qal li huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ser ikompli jinsisti b’vuċi waħda biex jara li l-Gvern ma jibqax jaġħmel ħsara lil pajjiżna.

02.12.2017