ŻOMM AĠĠORNAT:

Għal darba oħra fl-istorja ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista reġa’ għandu l-missjoni li jkun il-vuċi għad-demokrazija u l-libertà. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività b’tifkira tal-31 anniversarju ta-qtil politiku ta’ Raymond Caruana fil-Gudja.

L-uniku vuċi li tista’ tqum u tieqaf lill-Gvern huwa l-Partit Nazzjonalista qal Adrian Delia. Huwa qal li min iħobb lil Malta ma jmurx ibiegħ is-sovranità ta’ pajjiżna lil Malta bħalma jagħmel il-Prim MInistru. Għall-kuntrarju, kompla Adrian Delia, min iħobb tassew lil pajjiżu ma jibżax jitkellem favur is-sewwa u l-verità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat ġabna f’sitwazzjoni fejn irridu niddefendu lil isem pajjiżna minħabba l-korruzzjoni tal-Gvern.

31 anniverasju mill-qtil ta’ Raymond Caruana

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-qtil ta’ Raymond Caruana 31 sena ilu ma ġarax b’kumbinazzjoni iżda sar f’kuntest partikolari importanti. Adrian Delia fakkar li fil-ġimgħat ta’ qabel ma seħħ dan il-qtil politiku  kien hemm Gvern li ddeċieda li parti minn Malta ma setgħetx titkellem b’mod liberu. Huwa qal li dak iż-żmien is-saltna tad-dritt kienet taħt theddida u kellha tkun il-Qorti li tiddikjara li l-Partit Nazzjonlista jista’ jinġabar iż-Żejtun.

Tletin sena ilu il-Gvern Laburista ried iżomm il-mixja tad-demokrazija f’pajjiżna, qal Adrian Delia. Huwa fakkar kif serje ta’ avvenimenti ta’ vjolenza politika, li l-Gvern ma kien għamel xejn dwarhom, wasslu għall-isparatura fuq il-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja u ħasdet il-ħajja taż-żgħażugħ Raymond Caruana.

Wara dan il-qtil ikrah, qal Adrian Delia, il-Gvern għażel li jieħu n-naħa tal-kriminali u pprova jagħmel frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil. Huwa qal  dakinhar mhux talli ma kienetx qed issir il-ġustizzja, iżda talli il-Gvern pprova jikkorrompi l-kors tal-ġustizzja.

L-istorja tirrepeti ruħha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum qed ngħixu mill-ġdid f’sitwazzjoni b’avvenimenti u kronoloġija simili għal dak li ġara 31 sena ilu meta ġie maqtul Raymond Caruana f’Każin tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li llum il-Pulizija flok jipproteġu lil min qed ifittex il-verità, jagħtu l-konfort lill-kriminal.

Adrian Delia qal li wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat kien ftaħar li ġejjin l-FBI, l-interpol, u esperti oħrajn barranin biex jassistu fl-investigazzjoni, Kellha tkun id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, tenna Adrian Delia, li kixfet li l-Pulizija lanqas biss għandha r-rieda li tmexxi l-każ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjoanlista qal li issa, ftit ġimgħat wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed naraw każ ta’ Jonathan Ferris li kien qed jagħmel xogħlu, mhux għalih innifsu iżda għal pajjiżu. Adrian Delia qal li għal darb’oħra l-Gvern korrot ta’ Joseph Muscat qed jintervjeni tant li s-sur Ferris issa qed jibża’ għal ħajtu.

Adrian Delia rringrazzja lil Membru tal-Parlament Ewropew David Casa tal-kuraġġ li wera minkejja li l-Gvern beda jgħajjru traditur. Huwa qal li David Casa żvela kif għandu f’idejh rapport tal-FIAU fejn jirrakkomanda li għandha tinfetaħ investigazzjoni fuq Konrad Mizzi.

L-Avukat Ġenerali għandu fuqu d-dmir bil-Kostituzzjoni li jara li jibdew il-proċeduri bil-Qorti, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Avukat Ġenerali mhux talli m’għamel xejn fuq dan il-każ talli ħeba dan ir-rapport.

Għażla ċara quddiem il-poplu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu llum għandu deċiżjoni quddiemu: li jibqa’ sieket jew li jqum u jitkellem. Adrian Delia qal li minkejja li jidher faċli li noqogħdu lura biex ma nbatux transfers jew vendikazzjonijiet oħra mill-Gvern, darba jew oħra jmiss lil kulħadd.

Adrian Delia qal li pajjiżna issa qed isejjħilna mill-ġdid, u bħalma huwa ħàreġ mill-ħajja privata tiegħu biex jirrispondi għall-din is-sejħa, qal li issa jrid jistieden lin-nies biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu.

03.12.2017