ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iħares ‘il barra u aktar nies qed jerġgħu iħossu li dan dan huwa l-partit tagħhom. F’dawn l-aħħar xahrejn sar kuntatt ma’ aktar minn 6,000 persuna li kienu qatgħu kuntatt minn mal-Partit Nazzjonalista. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista telefonika fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li din hija ġurnata mportanti għaliex matulha qed jinġabru fondi sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu. Iżda aktar minn għotja finanzjarja, il-kontribut tan-nies qiegħed ikun dikjarazzjoni b’saħħitha favur il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li n-nies qiegħdin qiegħdin iħossu posthom f’din il-ħidma politika għall-ġid tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ġbir tal-fondi matul il-Maratona ‘Jien Lest li Ngħin’ huwa messaġġ qawwi, li minkejja li l-Partit Nazzjonalista għadda minn erba’ snin diffiċli, in-nies għandhom jemmnu fih. Huwa qal li, fl-istess ħin, dan huwa wkoll messaġġ ta’ tama u ta’ unità b’risposta għas-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna.

Adrian Delia qal li kull soċjetà f’Malta timxi grazzi għall-ġenerożità tal-volontarjat u tenna li l-Partit Nazzjonalista wkoll, kuljum għandu wara l-ħidma tiegħu mijiet ta’ persuni li jagħtu s-sehem tagħhom bil-kwiet u mingħajr ma jistennew xejn lura. Huwa rringrazzja lil dawn il-persuni u qal li l-Maratona ‘Jien Lest li Ngħin’ hija wkoll meżż kif il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi u jirringrazzja lil dawn il-voluntiera.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħafna minn dawk li ġew avviċnati f’dawn l-aħħar xahrejn fittxew immedjatament li jerġgħu jttesseraw, li jagħmlu appuntament, jew li jifhmu aħjar il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li dan l-eżeċizzju se jkompli għaddej fix-xhur li ġejjin mhux biss biex il-familja tal-Partit Nazzjonalista tkompli tikber, iżda sabiex firxa aktar wiesa’ ta’ persuni jkunu jistgħu ikollhom sehem mid-direzzjoni u l-ħidma politika.

Adrian Delia qal li l-entużjasmu li hemm illum huwa u jdur il-Każini tal-Partit Nazzjonalista f’diversi lokalitajiet, juri li n-nies qed iħossuhom parti minn partit li jagħti vuċi għal dak li jemmnu fih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Maratona Ġbir ta’ Fondi ‘Jien Lest li Ngħin’ tiftaħ illum il-Ħadd 10 ta’ Diċembru f’nofsinhar, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalsta, fil-Pietà.

10.12.2017