ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista għandu d-dmir li jerġa’ jwelled lil pajjiżna mill-ġdid u jara li Malta tkun tassew ta’ kulħadd. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħal Balzan bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

Adrian Delia qal li kien dejjem il-Partit Nazzjonalista  li mexxa lil Malta ‘l quddiem u ħadem għal dak kollu li l-Gvern jiftaħar bih illum. Huwa qal li Malta reġa’ għandha bżonn lill-Partit Nazzjonalista mhux biss biex traġġa’ lura n-normalità fl-istituzzjonijiet iżda biex ġġib il-bidla li pajjiżna qed jistenna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum il-politika trid terġa’ tmur lura għal dak li huwa bażiku. Huwa qal li minkejja ċ-ċifri li l-Gvern iħobb jiftaħar bihom, hemm aktar minn 100,000 persuna li qiegħdin jgħixu fil-faqar jew jinsabu fir-riskju tal-faqar. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem għal dawn ukoll aktar u aktar għax il-Gvern qed jinjorahom.

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li joħloq pjan biex itejjeb il-ħajja tan-nies, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit  Nazzjonalista dejjem kellu l-kuraġġ li jemmen fil-poplu Malti u Għawdxi u qal li llum wasal żmien ta’ bidla oħra għall-aħjar. Adrian Delia qal Malta jixirqilha li jkollha Partit Nazzjonalista li jemmen tassew f’pajjiżu, fin-negozjanti tiegħu, fil-familji u ż-żgħażagħ.

Partit Pożittiv

Adrian Delia qal li n-nies qed jifhmu li hemm bżonn tal-Partit Nazzjonalista sabiex id-demokrazija f’pajjiżna tibqa’ ħajja. Huwa qal li issa l-Partit Nazzjonalista wkoll qiegħed jersaq lejn in-nies bħala individwi biex jifhem x’inhuma il-preokkupazzjonijiet u l-bżonnijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa partit tassew miftuħ li jaċċetta u jinkoraġġixxi vuċijiet differenti, qal Adrian Delia. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jista’ jitkellem li b’leħen wieħed, għaliex veduti differenti jiġu diskussi b’mod apert. Huwa qal li s-siġġijiet fil-Parlament mhumiex tad-deputati iżda tal-eluf ta’ nies li taw il-fiduċja tagħhom permezz tal-vot. Għalhekk, qal Adrian Delia, in-nies għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu u jsemmgħu leħinhom sabiex jagħtu direzzjoni lid-deputati tagħhom.

Adrian Delia qal li f’dawn l-aħħar erba’ il-Parit Nazzjonalista kien għaddej minn ristritturar organiżżattiv u finanzjarju li qassam id-dejn fuq medda ta’ snin permezz ta’ pjan li ra lil ċerti każin ijitqiegħdu f’fond speċjali. Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni issa hija stabbli iżda l-Partit Nazzjonalista xorta waħda jrid u qed jibqa’ jagħmel sforz biex ikompli jissaħħaħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ġabra kbira tal-Maratona tal-Ħadd li għadda, filwaqt li kienet l-akbar waħda li qatt saret, xorta ma laħqitx ir-riżorsi kollha possibbli. Adrian Delia qal li jemmen li hemm aktar u aktar nies li jistgħu jikkontibwixxu u il-Partit Nazzjonalista se jaħdem sabiex dawn ukoll jagħmlu l-biċċa tagħhom biex jiggarantixxu partit pożittiv għall-ġid ta’ pajjiżna.

 

 

Oppożizzjoni b’Saħħitha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din qed tkun Oppożizzjoni kostruttiva u proattiva li tipproponi hija l-liġijiet u d-direzzjoni lill-pajjiż ladarba l-Gvern qed jonqos milli jagħmel dan. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-mod kif issir din il-bidla, u l-Parlament huwa l-post fejn din il-bidla ssir.

Il-Partit Nazzjonalista diġà qed juri, qal Adrian Delia, kif l-Oppożizzjoni mhux se tkun qed tikkritika lil Gvern biss, iżda se turi wkoll kif pajjiżna jista’ jitmexxa aħjar għall-ġid tan-nies. Adrian Delia qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jibda jara kif, anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ikun strumentali biex l-affarijiet jitjiebu.

Adrian Delia qal li hawn faxxa f’pajjiżna li qed tgawdi mill-ekonomija, iżda żied li jekk Gvern korrott kapaċi jħalli l-ekonomija tikber, aħseb u ara kemm Gvern nadif kapaċi jġib aktar tkabbir u jqassmu b’mod aktar ġust. 

Adrian Delia qal li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jfassalha biss il-partit, u qal li jemmen li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jiddejjaq minn dak li huwa u dak li jirrapreżenta. Huwa qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-umiltà li jirrikonoxxi l-iżbalji li għamel, għandu jkollu wkoll il-kuraġġ li jitkellem fuq dak il wettaq għall-pajjiż matul is-snin li kien fil-Gvern.

17.12.2017