ŻOMM AĠĠORNAT:

L-Oppożizzjoni ippreżentat mozzjoni lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia sabiex l-art verġni fiż-Żonqor terġa’ tingħata lura lin-nies. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, akkumpanjat mill-Assistant Whip Frederick Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina, qal li l-Oppożizzjoni sa mill-bidu nett tas-sena qed tagħti sinjal qawwi li se tkun serja u tiffoka fuq dak li jridu n-nies.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid li tiddiskuti mal-Gvern sabiex l-art ODŻ li ingħatat lill-kumpanija Sadeen Education Investment Limited fl-2015 terġa’ tmur lura għand il-pubbliku hekk kif l-American University of Malta mhix qed tattira n-numru ta’ student li kienet bassret. Mhux talli tnaqqsu l-miri tal-istudenti b’mod drastiku iżda tkeċċew ukoll il-ħaddiema qal David Agius.

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament qal li diġà hemm ħames għaqdiet ambjentali li qiegħdin isejħu bex l-art tingħata lura lill-pubbliku u sostna li l-Membri Parlamentari għandhom obbligu li jagħtu widen lil dak li jridu n-nies.

Karol Aquilina qal li l-pajjiż kellu jagħmel investiment enormi biex il-proġett tal-università jkun jista’ jseħħ iżda l-miri tal-kumpanji qed ikomplu dejjem jonqsu tant li preżentament hemm biss 15-il student. Il-Kelliem għall-Ambjent qal li minħabba li l-art hija ODŻ, suppost li l-bini għandu jsir biss jekk dan jilħaq bżonn nazzjoni. Huwa qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni hija favur li jkun hawn investimenti ġodda f’universitajiet f’pajjiżna, hija kontra li art pubblika tintuża għal skopijiet ta’ spekulazzjoni.

L-Iskpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia irringrazzja lid-delegazzjoni f’isem l-Oppożizzjoni u qal li hija ħaġa tajba li l-Oppożizzjoni qed tippreżenta mozzjoni mportanti fl-ewwel jum ta’ ħidma tas-sena l-ġdida.

Annessa ma’ din l-istqarrija qed tintbagħat il-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni.

02.01.2018