ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista jikkundana l-kummenti tal-Ministru Michael Farrugia li jiġġustifikaw il-vjolenza domestika.

Il-kummenti tal-Ministru Michael Farrugia li jekk taħdem siegħat twal jiskużak minn abbuż ta’ vjolenza domestika huwa nsult u ta' hsara kbira għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika.

Il-Ministru Farrugia qiegħed jiddefendi lill ex-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna li rriżenja wara li sar rapport mis-sieħba tiegħu jakkużah bi vjolenza domestika – liema rapport ġie żvelat mil-ġurnal In-Nazzjon.

Huwa inaċċettabbli li uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija jwettaq reati ta’ vjolenza domestika, iżda huwa aktar gravi li l-Ministru Farrugia, responsabbli mill-Korp, jipprova jitfa’ kollox taħt it-tapit u jiġġustifika dan għax l-persuna imsemmija tkun għamlet ħin twil ta’ xogħol.

Il-kummenti tal-Ministru Farrugia huma insult u daqqa ta’ ħarta għall-vittmi kollha ta’ vjolenza domestika.

L-isforz nazzjonali li qed isir minn ħafna organizzazzjonijiet, professjonisti u anke’ l-Oppożizzjoni biex tingħeleb il-problema tal-vjolenza domestika, qed jiġi sistematikament mminat mill-Ministru tal-Gvern li suppost huwa responsabbli mill-protezzjoni u s-sigurtà taċ-ċittadini.

Mhux talli l-Ministru ma’ ħax passi u keċċa l-Assistant Kummissarju Mario Tonna, iżda agħar min hekk il-Gvern tiegħu tah żewġ promozzjonijiet u issa, qiegħed jipprova minn kliemu jiskuża lil minn wettaq dan l-allegat reat.

David Agius

Kelliem għad-Drittijiet Ċivili u Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament

 

Beppe Fenech Adami

Kelliem għall-Intern

01.03.2018