ŻOMM AĠĠORNAT:

L-Oppożizzjoni qiegħda titlob li jitlaqqa’ b’mod urġenti il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddiskuti l-qagħda tal-kura fid-dawl tat-trasferiment tal-konċessjoni mingħand Vitals Group Global Healthcare għal Steward Health Care System. Dan kien imħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari David Agius u mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri.

David Agius qal li, bħala membru tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, Stephen Spiteri bagħat ittra biex jitlob liċ-chairman tal-istess Kumitat Silvio Grixti isejjaħ laqgħa b’mod urġenti. Il-Viċ-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu għandu dritt ikun jaf x’se jkun l-impatt fuq is-sistema tal-kura issa li l-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddew għand sidien ġodda.

Is-settur tas-saħħa huwa ta’ nteress nazzjonali, qal David Agius, u għalhekk it-trasferiment ta’ tliet sptarijiet ewlenin ma’ jistax jiġi ridott għal tranżazzjoni kummerċjali. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tagħmel ukoll talba permezz tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex dan il-bejgħ jiġi nvestigat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni qed tressaq numru ta’ domandi lill-Gvern dwar it-trasferiment li tal-isptarijiet:

1.             Għaliex Vitals telqet minn Malta?

2.             It-trasferiment għandu xi rabta mal-bidla fil-Liġijiet Ewropej li se jidħlu fis-seħħ minn hawn u ftit ieħor?

3.             Il-Gvern assigura li ġew osservati regolamenti ta’ public procurement meta sar dan it-trasferiment?

4.             Huwa minnu li Vitals ilhom li telqu minn Malta minn Marzu li għadda u ħadd ma qal xejn?

5.             Kemm ħadu flus VGH fiż-żmien li ilhom responabbli mill-isptarijiet?

6.             Issa li Vitals telqu minn Malta, il-Gvern lest li jippubblika l-kuntratt li kien iffirma magħhom?

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri qal li l-kuntratt bejn il-Gvern u VGH dejjem kien ta’ tħassib, mhux biss għall-Oppożizzjoni iżda wkoll għaċ-ċittadini u għal professjonisti. Huwa qal li l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, l-Assoċjazzjoni tan-Nurses u l-Qwiebel, l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina kollha esprimew tħassib serju meta l-Gvern iffirma l-kuntratt mal-VGH fl-2016.

Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni kienet dejjem saħqet li l-kwalità tal-kura u s-servizzi kienet l-aktar ħaġa mportanti, u kienet imħassba minħabba li VGH m’għandha l-ebda track record fil-qasam tas-saħħa. Huwa qal li kien biss wara pressjoni mill-Oppożizzjoni li l-Gvern poġġa il-kuntratt ma’ Vitals fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati, iżda il-verżjoni li ħareġ ġiet b’paġni nieqsa u oħrajn mħassrin.

Il-Kelliem għas-Saħħa qal li minkejja l-ħabi tal-Gvern, ġew żvelati dettalji inkwietanti tal-kuntratt; fosthom li l-Gvern qed joħroġ €70 miljun fis-sena meta n-nefqa għad-Dipartiment tas-Saħħa kienet ta’ €55 miljun meta l-isptarijiet kienu pubbliċi.

Apparti dan, tenna Stephen Spiteri, il-Gvern intrabat li jħallas għal sodod vojta u jħallas rati għolja fuq sodod addizzjonali; aċċetta li jħallas €30 miljun għal servizz ta’ Air Ambulance; u se jkollu jagħmel tajjeb biex il-proġett ta’ Barts Medical School iseħħ. Jekk dan mhux biżżejjed, qal Stephen Spiteri, issa inkixef ukoll li l-Gvern kien bieġh l-appart mediku kollu tat-tliet sptarijiet għal €1 biss.

Il-Kuntratt ma’ Vitals kien idea ħażina, qal Stephen Spiteri, tant li dawn spiċċaw fallew ripetutament milli jonoraw deadlines u target dates għal xogħlijiet fuq l-isptarijiet li kellhom isiru f’Jannar u Settembru 2017.

Filwaqt li l-konċessjonarji l-ġodda, Stewards Heal Care System, għandhom track record fil-qasam tas-saħħa, Stephen Spiteri jekk is-sistema Amerikana hijiex adattata għal pajjiżna u għalhekk il-Kumitat tal-Parlament tas-Saħħa għandu jara dan. Huwa qal li, finalment, ir-risposta li trid tingħatahija jekk il-pazjenti humiex se jgawdu minn dan it-trasferiment.

Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni jidhrilha li hemm bażi legali soda sabiex il-kuntratt jitwaqqaf u l-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand il-pubbliku.

04.01.2018