ŻOMM AĠĠORNAT:

Waqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed ikompli jinsisti li l-art fiż-Żonqor hija meħtieġa għall-proġett tal-American University of Malta, il-kumpanija Ġordaniza qed tkompli tkeċċi l-ħaddiema tagħha. It-tkeċċija ħabta u sabta ta’ tnax-il ħaddiem ieħor tkompli tagħti raġun lit-talba tal-Oppożizzjoni u lil numru ta’ għaqdiet ambjentali biex l-art ODŻ fiż-Żonqor  tingħata lura lill-pubbliku.

Università bi 15-il student żgur m’għandhiex bżonn 18000 metru kwadru t’art ODZ, apparti l-binja sotrika f’Baċir numru wieħed f’Bormla, sakemm il-Gvern mhux se jippermetti li dan jsir proġett spekulattiv. Il-mod ta’ kif tkeċċew l-aħħar numru ta’ ħaddiema – permezz ta’ email – juri wkoll in-nuqqas ta’ professjonalità fit-tmexxija tal-università.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq li dan huwa deal ħażin għal pajjiżna u li se jisraq lill-komunità tan-naħa t’isfel ta’ Malta mill-ispazju t'ambjent naturali.  Għalhekk, ladarba Sadeen Group qed jonqos milli jonora il-ftehim li ffirma, il-Gvern għandu jieħu kontroll tas-sitwazzjoni u jerġa’ jagħti l-art lura lill-pubbliku, kif talab il-Partit Nazzjonalista fil-Mozzjoni mressqa aktar kmieni din il-ġimgħa.

05.01.2018