ŻOMM AĠĠORNAT:

L-aħbar żvelata dalgħodu li tliet uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija nqabdu bid-droga waqt raids li saru fi żmien il-festi jkompli jikkomferma l-istat ħazin li jinsab fih il-korp u min imexxieh.

F’din l-ewwel ġimgħa tas-sena, il-korp tal-Pulizija nltaqat minn tliet skandli.

L-ewwel skandlu huwa dak ta’ l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna li kellu jirriżenja wara l-aħbar żvelata mill-ġurnal in-Nazzjon li kien sar rapport mis-sieħba tiegħu dwar att ta' vjolenza domestika.

It tieni skandlu kien Il-ġustifikazzjoni tal-Ministru Michael Farrugia li ddefenda l-għaġir ta’ l-eks Assistant Kummissarju Mario Tonna  meta skuża il-vjolenza domestika u rabatha mal-ħin twil fuq il post tax-xogħol

Illum tfaċċa t-tielet skandlu bl-aħbar li tliet uffiċjali tal-pulizija nqabdu mid-droga.

Dan huwa l-istat disastruż li l-korp li suppost jiddefendi liċ-ċittadini jinsab fih. Il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan l-istat disastruż tal-korp tal-Pulizija huwa sintomatiku ta' min qed imexxieh, u cioe il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Ministru u l- Prim Ministru li jibqgħu jiddefenduh.

L-aħbar żvelata llum hi frott deċiżjonijiet partiġġani tal-Gvern ta’ Muscat li neħħa l-kundizzjoni li persuna li tidħol fil-korp jrid jkollha kondotta nadifa. Sal-lum il-Gvern ta’ Joseph Muscat diġà  daħħal fil-korp 47 ufficjal tal-Pulizija b’kondotta kriminali.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għalfejn din l-aħbar li tliet uffiċjali tal-Pulizija inqabdu bid-droga baqgħet mistura u kellha tkun biss il-media li tiżvelaha.

Illum fil-pajjiz għandna Gvern li huwa b’saħħtu mad-dgħajjef u dgħajjef ma min huwa b’saħħtu.

Sfortunatament il-ħafna Pulizija onesti fil-korp ikollhom xogħolhom imtappan b’dan l-għaġir.

Beppe Fenech Adami

Kelliem għall-Intern

06.01.2018