ŻOMM AĠĠORNAT:

Is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Pulizija qiegħda tinkwieta lil kulħadd iżda dawn l-affarijiet ma jiġrux b’kumbinazzjoni u l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu ħafna x’jirrispondi. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista telefonika fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li l-aħbarijiet li rajna din il-ġimgħa dwar uffiċjali tal-Pulizija huma inkwietanti għaliex kulħadd jistenna li l-Korp qiegħed hemm biex iserraħ moħħ in-nies. Huwa qali li dan huwa ta’ għajb għal pajjiżna li sa ftit illu kien meqjus wiħed mill-aktar siguri, iżda tenna li din is-sitwazzjoni diżastruża fil-Korp tal-Pulizija ma ġietx mix-xejn.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ippermetta attitudni fejn ħadd m’għandu għalfejn jagħti rendikont ta’ għemilu, kompla il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Illum, qal Adrian Delia, kulħadd iħoss li issa jista’ jagħmel li jrid għax lanqas min jagħmel l-affarijiet il-kbar ma jħallas għalihom.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat daħħal kultura ta’ xejn mhu xejn, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ sieket minflok jieħu l-passi li għandu jieħu, u fejn il-Ministru responsabbli joħroġ jiddefendi lil min jagħmel il-ħażin.

Minflok jgħolli l-livell tal-Korp, il-Gvern ta’ Muscat għażel li jbaxxi l-livell għad-dħul fil- Pulizija, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tenna li għalhekk wieħed jibda jifhem għaliex illum huma l-kriminali li jħossuhom komdi.

Il-Vitals huma sensara

Is-sistema tas-saħħa hija waħda mill-aktar affarijiet importanti għal pajjiżna qal Adrian Delia, iżda l-Gvern lest li jilgħab bil-bejgħ tal-isptarijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li suppost kien konċessjoni għall-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex issa f’daqqa waħda qed jissejjaħ bejgħ.

Adrian Delia qal li dawn l-isptarijiet huma propretà tal-Gvern; jiġifieri tan-nies mhux ta’ Joseph Muscat jew tal-Partit Laburista. Huwa fakkar li minkejja li l-Gvern ilu sentejn li ffirma kuntratt mal-VGH biex tibda topera l-isptarijiet, il-ftehim għadu mistur sal-lum. Adrian Delia staqsa x’hemm li jimbarazza lill-Gvern f’dan il-kuntratt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, dak iż-żmien, il-Gvern ta’ Joseph Muscat suppost li kien ra li l-koċessjonarji kienu l-aqwa provedituri tas-servizz għas-saħħa u li setgħu imexxu l-isptarijiet bl-aħjar kwalità ta’ kura għal 30 sena sħaħ. Iżda, tenna Adrian Delia, dan kollu sfaxxa fi ftit xhur.

Adrian Delia qal li kien ċar sa mill-bidu li l-Gvern makienx qedjagħti l-isptarijiet lil min kien l-aħjar biex joperahom, iżda lil min kien l-aħjar sensar.

Adrian Delia fakkar kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ressqet talba liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddikuti din is-sitwazzjoni b’urġenza u b’involviment tal-istakeholsders kollha. Huwa qal li lGvern qed jirreżisti iżda jekk din is-sejħa ma tintlaqax, l-Oppożizzjoni mhix se tieqaf hawnu se tieħu passi oħra.

Jekk xi ħadd jaħseb li se jagħmel il-miljuni bl-assi tal-Maltin u se jibqa’ għaddej bħal xejn mhu xejn, qiegħed jiżbalja qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti lura s-servizz tas-saħħa lil min huwa kapaċi joffri l-aqwa servizz ta’ kura għall-Maltin.

Università bi skopijiet oħra

Il-Gvern prova jbellagħha li l-poplu għandu jissagrifika l-art ODZ fiż-Żonqor biex tiġi università ġdida f’Malta, qal Adrian Delia. Huwa qal li għal darb’oħra l-unika skop tal-Gvern kien li jdaħħal lil xi ħadd barrani li m’għandu x’jaqsam xejn fil-qasam tal-edukazzjoni għal spekulazzjoni tal-art.

Adrian Delia qal li, hawn ukoll, il-kumpanija li għażel il-Gvern ta’ Joseph Muscat, falliet b’mod kbir u huwa evidenti għal kulħadd li università ma tistax topera bi 15-il student biss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din mhix biss kwistjoni ambjentali, għalkemm dik hija ċentrali. Huwa qal li dan il-ftehim huwa serq ta’ art tal-poplu Malti għal skopijiet spkulattivi. L-Oppożizzjoni mhix se tiċċaqlaq fil-pożizzjoni tagħna, tenna Adrian Delia, u se tibqa’ tinsisti biex l-art fiż-Żonqor terġa’ lura għand in-nies.

Oppożizzjoni favur is-sigurtà, is-saħħa, l-ambjent

Is-sigurtà, is-saħħa, u l-ambjent huma kwistjonijiet ta’ mportanza kbira, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li minkejja li l-Gvern jipprova jgħid li l-Oppożizzjoni hija negattiva, il-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li xi ħadd jisraq lil pajjiżna biex jistagħna minn fuq l-assi tagħna.

Adrian Delia qal li għalkemm qiegħed jiżbalja, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jridx jaf, u allura huwa l-Gvern qed ikun negattiv. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi mod serju u effettiv biex igawdi kulħadd.

07.01.2018