ŻOMM AĠĠORNAT:

L-Oppożizzjoni għamlet talba formali lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika sabiex jiġi nvestigat it-trasferiment tal-konċessjoni tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Heaelthcare. Dan ħabbru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet.

David Agius qal li l-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Beppe Fenech Adami, Kristy Debono, u Claudio Grech, ressqu t-talba lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika f’isem l-Oppożizzjoni. Huwa appella lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga bir-reqqa u mingħajr dewmien dak li qed jiġri fil-qasam tas-saħħa, wara li ġie żvelat li VGH se jbiegħu l-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġeneral ta’ Għawdex ftit aktar minn 20 xahar minn mindu ffirmaw il-kuntratt mal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi qed jagħmlu talba biex l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga s-saga tal-isptarijiet St Lukes, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa qal li fl-2016 Joseph Muscat dehrlu li għandu jiddisponi minn dawn l-isptarijiet pubbliċi b’kuntratt moħbi u mingħajr ebda mandat elettorali.

Kien evidenti sa mill-bidu li Vitals Global Healthcare ma kellhiex il-kredenzjali li tmexxi l-isptarijiet, qal Beppe Fenech Adami, u dan it-trasferiment wara biss 20 xahar jikkonferma dak li kienet qalet l-Oppożizzjoni dakinhar. Huwa qal li dan it-trasferiment mhuwa xejn ħlief negozju minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi, li huwa marbut ikompli jonfoq il-mijiet ta’ miljuni fuq perjodu twil ta’ żmien.

Beppe Fenech Adami qal li ftit ġimgħat ilu biss il-Parlament ġie mitlub japprova nefqa ta’ €17.8 miljun żieda fi ħlasijiet ulterjuri lill-VGH. Vitals ħadet il-miljuni mhux biex serviet lill-poplu iżda biex għamlet negozju minn fuqu, tenna Beppe Fenech Adami.

Huwa qal li issa spiċċa ż-żmien tal-ħabi u l-Awditur Generali għandu jara li toħroġ il-verità billi jidħol fid-dettal ta’ din il-materja li qed tiswa l-miljuni lill-poplu fuq servizz kruċjali bħalma huwa s-saħħa.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fakkar li l-ġimgħa li għaddiet l-Oppożizzjoni sejħet biex jitlaqqa’ minnufih il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddiskuti l-impatt ta’ dan it-trasferiment fuq il-kura.  Huwa qal li l-Gvern qiegħed jibża’ jinvolvi lill-istakeholders u għalhekk qed jipprova jżomm id-diskussjoni għall-Plenarja tal-Parlament.

David Agius u Beppe Fenech Adami kienu akkumpanjati mill-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Kristy Debono u Claudio Grech, mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.

08.01.2018