ŻOMM AĠĠORNAT:

Ftit tal-ħin ilu Graziella Galea, li ġiet eletta b’mod demokratiku bl-akbar numru ta’ voti fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fl-elezzjoni li tal-2015 f’isem il-Partit Nazzjonalista, irriżenjat minn Sindku tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Filwaqt li irriżenjat minn Sindku, Graziella Galea se tibqa’ kunsiller f’isem il-Partit Nazzjonalista. Issa għandu jinħatar Sindku ġdid skont il-liġi.

Galea qiegħda tagħmel dan b'lealtaà lejn ir-residenti tal-lokalità u lejn il-Partit Nazzjonalista sabiex il-Partit Nazzjonalista jibqa' jgawdi t-tmexxija ta' dan il-Kunsill.

Kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Graziella Galea tinsab annessa ma’ din l-istqarrija.

10.01.2018

----------------------------------------------------------------------------------

10 ta’ Jannar, 2018

Sna. Elke Sghendo

Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar.

Sna. Sghendo,

Il-pożizzjoni ta’ Sindku u kunsillier qiegħdin hemm biex wieħed iservi lir-residenti u lill-lokalità u mhux biex wieħed jisserva hu, jew li jtellef il-progress. Fix-xogħol tiegħi bħala Sindku dejjem poġġejt bħala l-ewwel prijorità tiegħi lir-residenti u dejjem ġenwinament ħdimt biex il-lokalità timxi ‘l quddiem.

Kif inhu magħruf, matul din il-leġislatura, kien hemm numru ta’ kunsilliera li mill-bidu nett qatt ma taw każ tal-interessi tar-residenti, u dan jidher min-nuqqas tagħhom fl-attendenza tal-laqgħat tal-Kunsill, u fil-ħidma favur ir-residenti. Fil-fatt, b’diversi manuvri minn numru ta’ kunsilliera, li żgur m’għandhomx l-interess tar-residenti bħala prijorità, b’mod partikolari matul l-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali ma tħalliex jiffunzjona kif suppost, u dan b’detriment għar-residenti u għal-lokalità.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, b’lealtà lejn ir-residenti tal-lokalità u lejn il-Partit li jiena nirrapreżenta, nixtieq ninfurmak li b’effett immedjat qiegħda nirriżenja mill-kariga tiegħi ta’ Sindku tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, u li fl-istess ħin ser nibqa’ membru fl-istess Kunsill bħala kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Dan il-pass, għalkemm kontra qalbi, qiegħda nagħmlu sabiex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter ta’ xi whud li ma aċċettawx ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali li bih jien ġejt eletta Sindku.

Minkejja din ir-riżenja, il-partit politiku li għażlu r-residenti bi proċess demokratiku, għandu jibqa’ jmexxi din il-lokalita’ sabiex b’hekk tibqa’ mħarsa l-għażla li għamlu r-residenti. B’hekk tiġi mħarsa d-demokrazija minflok l-għażla tiddependi minn numru limitat ta’ persuni, liema għażla ma tkunx tirrifletti l-proċess demokratiku.

Għalhekk, wara din ir-riżenja tiegħi minn Sindku, il-mozzjoni ta’ sfiduċja fija, għandha tiġi kkunsidrata nulla, u allura m’għandiex tisejjaħ il-laqgħa. Għandu wkoll issa jinħatar Sindku ġdid skond il-liġi.

Nixteq ukoll infakkar li llum ser inkun qed nirreżenja minn Sindku ta’ Kunsill Lokali li beda l-ħidma tiegħu b’dejn ta’ madwar nofs miljun ewro, wara t-tmexxija tal-Partit Laburista fil-lokalità. Preżentament il-Kunsill Lokali immexxi minni mhux biss elimina kompletament dan id-dejn imma għandu surplus sostanzjali, liema surplus intuża u għandu jkompli jintuża fuq proġetti li kellna pjanati bħal ġonna, bandli, u toroq. Barra minn hekk il-Kunsill għadu kemm ibbenefika minn fondi Ewropej sabiex isir investiment ta’ madwar miljun ewro fit-toroq rurali tal-lokalità.

Nixtieq nirringrazzja lir-residenti kollha ta’ San Pawl il-Baħar tal-appoġġ li dejjem tawni iżda nirringrazzjahom b'mod partikolari tal-appoġġ morali li tawni f'dawn l-aħħar ġimgħat. Nirringrazzja lil sħabi l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista Antoinette Bezzina, Dounia Borg, Anne Fenech u Daniel Grima, tal-appoġġ li baqgħu jagħtuni sal-aħħar.

Nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tal-Kunsill li taw sehemhom biex ir-residenti jinqdew bl-aħjar mod possibli, u dan minkejja t-tfixkil bla waqfien li huma wkoll kellhom jaffaċċjaw.

Jien se nibqa’ leali sal-aħħar lejn ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Inwiegħed lir-residenti li jien ser nibqa’ naqdi dmiri ta’ kunsilliera, għaliex fl-aħħar mill-aħħar kienu r-residenti li tawni b’mod qawwi din ir-responsabiltà, permezz tal-fiduċja tagħhom fija u tal-fiduċja li wrew fil-Partit Nazzjonalista li jiena nirrappreżenta.

Grazzi u Tislijiet,

Perit Graziella Galea