ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ sħiħ lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija li qegħda titlob li jitwaqqfu n-negozzjati għall-bejgħ tal-isptarijiet sakemm titlesta l-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.

Bħall-MAM, il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar il-bejgħ bil-moħbi tal-isptarijiet ewlenin ta’ pajjiżna u l-konsegwenzi gravi li dan id-deal qiegħed jistieden.

Il-membri f’isem l-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi din il-ġimgħa ressqu talba formali biex l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga t-trasferiment tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptar St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Gvern wera li għandu x’jaħbi dwar dan id-deal meta ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-ftehim jiġi diskuss fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa fejn tista’ issir diskussjoni mil-istakeholders kollha nvoluti. Minflok l-Gvern jrid diskussjoni biss fil-Plenarja fejn jistgħu jgħidu tagħhom biss id-Deputati.

Dan id-deal b’valur tal-fuq minn 2 biljun ewro qiegħed, fl-aħħar mill-aħħar, jiffinanzjah il-poplu Malti bit-taxxi tiegħu. Għalhekk il-Gvern għandu l-obbligu li jiżgura li din in-nefqa qed issir tassew fl-interess pubbliku; sabiex is-sistema tal-kura taqdi l-bżonnijiet tal-familji tagħna, u mhux tan-negozjanti.

Stephen Spiteri

Kelliem għas-Saħħa

11.01.2018