ŻOMM AĠĠORNAT:

button_read-in-english.png

 

L-2017 kienet sena impenjattiva għall-komunità diplomatika f’Malta, li ġabet magħha sensiela ta’ tibdiliet. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt indirizz tal-bidu tas-sena lill-Ambaxxaturi għal Malta.

Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-mod tajjeb li pajjiżna mexxa l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet, u dan jagħti raġun lill-Gvern Nazzjonalista li tħabat sabiex Malta tikseb u tipprepara ruħha għal din il-Presidenza.

Adrian Delia fakkar kif f’nofs il-ħidma tal-Presidenza il-Gvern sejjaħ Elezzjoni Ġenerali bikrija li kompliet iżżid pressjoni fuq il-Korpi Diplomatiċi u l-iskrutinju fuq pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tieni nofs tas-sena, mbagħad, kien iddominat mill-aħbar xokkanti  tal-qtil ta’Daphen Caruana Galizia li biddlet ir-reputazzjoni ta’ Malta minn lejl għal nhar. Adrian Delia qal li huwa l-obbligu ta’ kull Gvern li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini u li jħares lin-nies minn kull forma ta’ vjolenza.

Is-sena li għada kif bdiet se ġġib l-isfidi tagħha, tenna Adrian Delia, kemm għal Malta u kemm għall-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-għażla tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni għandha tiġi rispettata iżda pajjiżna se jħoss in-nuqqas ta’ pajjiż alleat u ħabib tiegħu. Huwa qal li din ir-relazzjoni speċali tagħti lil Malta l-inkarigu li tnaqqas kemm tista’ l-effetti negattivi ta’ Brexit kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għal dawk Britanniċ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima lfiduċja tiegħu li l-Unjoni Ewrope tkompli tissaħħaħ matul dan ix-xhur u qal li il-bloc għalaq is-sena li għaddiet aħjar min nta’  qabilha. Huwa qal li ż-żona Ewro kompliet turi sinjali pożittivi tant li t-tkabbir ekonomiku tagħha qed ikun mutur għall-ekonomija dinjija.

Adrian Delia qal li l-Unjoni Ewropea mhijiex sempliċment suq, iżda żona ta’ paċi u ugwaljanza. Huwa qal li l-esperiment Ewropew introduċa stil ġdid ta’ dajlogu u kollaborazzjoni u huwa ta’ eżempju għal kulmin qiegħed ifittex tassew id-demokrazija, il-prosperità, u l-ġustizzja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-progress f’ċerti oqsma ma rridux ninsew id-diffikultajiet li għaddejin minnhom diversi pajjiżi ġirien ta’ Malta. Huwa semma’ l-isfidi li qed jaffaċċja l-poplu Libjan u tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista favur l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għal stat stabbli bi Gvern magħqud.

Adrian Delia qal li l-Mediterran b’mod sħiħ għandu l-karatteristiċi neċessarji kollha biex ikun reġjun ta’ prosperità, djalogu, u paċi. Huwa esprima t-tama tiegħu li l-Unjoni Ewropea tkun sieħeb tajjeb għall-pajjiżi tal-kosta tan-nofsinhar tal-Mediterran.

Dwar it-theddida tal-immigrazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonailsta jikkommetti ruħu għar-riżoluzzjoni ta’ New York li titlob il-protezzjoni u l-promttzjoni tad-drittijiet tal-immigrati. Huwa qal li ma nistgħux nibqgħu ninjoraw ir-realtà tal-immigrazzjoni u nonqsu milli nittrattaw lill-immigranti b’mod uman.

Sfida gloabli oħra hija l-bidla fil-klima, qal Adrian Delia, u tenna li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja b’mod sħiħ il-Ftehim ta’ Pariġi. Huwa qal li l-kwistjoni tal-bidla klimatika mhix biss waħda ambjentali, iżda wkoll waħda ta’ sigurtà globali.

Fl-aħharnett, Adrian Delia qal li huwa ta’ unur li fi ftit òhra pajjiżna se jingħata t-titlu tal-Kapitali tal-Kultura Ewropea. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien protagonist fl-għoti ta’ dan il-privileġġ, speċjalment hekk kif l-Unjoni Ewropea ddikjarat l-2018 bħala s-sena tal-patrimoju kulturali. Huwa qal li din hija opportunità li tgħiinu niskopru u naqsmu il-valuri umani komuni għan-nazzjonijiet kollha.

11.01.2018