ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għar-rapport tal-Parlament Ewropew

L-ikbar preokkupazzjoni dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew fuq Malta hija li l-Gvern qiegħed jinduna li qed issir ħsara lil pajjiżna u xorta jibqa’ jippersisti fil-modi tiegħu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kummenti lill-ġurnalisti dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA u l-Kumitat LIBE.

Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi li għandu jieħu sabiex, bil-fatti, jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li saħansitra qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet Joseph Muscat kien wasal għall-istess konklużjoni ta’ dan ir-rapport dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, iżda dakinhar kien skużahom billi qal li għandu bżonnhom għal xi proġetti partikolari.

Adrian Delia qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija responsabbiltà ta’ kulħadd u tenna r-rieda tal-Oppożizzjoni li tingħaqad mal-Gvern u l-istituzzjonijiet kompetenti sabiex pajjiżna juri lid-dinja li lest u jrid jagħmel dak li huwa korrett.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex il-Prim Ministru qiegħed jagħżel li jipproteġi lill-Minstru u ċ-Chief of Staff tiegħu minflok lil Malta. Huwa qal li dan ir-rapport jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jistieden lill-Gvern biex jagħmel dak li jixraq lil pajjiżna u li l-Oppożizzjoni trid taħdem b’rieda tajba għall-ġid ta’ isem pajjiżna.

12.01.2018