ŻOMM AĠĠORNAT:

L-Oppożizzjoni tinnotta b’sodisfazzjoni li l-Gvern qed jaqbel mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni. Dan hekk kif Illejla ser tkompli d-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu persuni nominati f’karigi għolja f’pajjiżna ser jibda jsir skrutinju parlamentari taghhom qabel dawn jiġi maħtura mill-Gvern.

Dwar dan l-abbozz ta’ liġi l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ emendi fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament. Permezz ta’ dawn l-emendi l-Oppożizzjoni trid li jkun hemm l-obbligu li jsir smigħ waqt laqgħa ta’ Kumitat tal-Parlament dwar kull persuna li tiġi nnominata mill-Gvern. Fl-abbozz ta’ liġi li oriġinarjament ressaq il-Gvern dan ma kienx obbigatorju u l-Gvern ried li minflok isiru biss mistoqsijiet bil-miktub lill-persuna nominata li mbagħad twieġeb biss bil-miktub lill-Kumitat. 

Bl-emenda li pproponiet l-Oppożizzjoni u li l-Gvern issa qed jaqbel magħhom, kull persuna nominata ser ikollha l-obbligu li tidher għal smigħ quddiem Kumitat tal-Parlament maħtur għal dan il-għan biex ikun jista’ jsir skrutinju tagħha.

L-Oppożizzjoni ressqet ukoll għadd ta’ emendi oħra fosthom dwar in-numru ta’ membri tal-Kumitat (biex jiżdied minn 5 għal 7), dwar il-mod kif jistgħu jiżdiedu l-karigi li tagħhom isiru skrutinju, dwar il-mod kif isir tnaqqis fil-karigi li tagħhom isir skrutinju (b’riżoluzzjoni tal-Parlament) u dwar kif għandu jingħata l-parir mill-Kumitat lill-Ministru li jkun innomina l-persuna kkonċernata. Il-Gvern qiegħed jaċċetta dawn l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni.

Minkejja dan kollu l-Gvern qed ikompli jinsisti li ma jdaħħalx fost l-ogħla karigi f’pajjiżna biex il-persuni nominati biex iservu fihom isir skrutinju tagħhom. Dawn il-karigi jinkludu lill-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali u ċ- Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk l-Oppożizzjoni filwaqt li ser tkun qed tivvota favur din il-liġi, ser tkun qed tressaq emenda biex il-lista ta’ karigi tkun tinkludi fost l-ogħla karigi f’pajjiżna.

 

Hermann Schiavone                                                                                       Karol Aquilina

Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Settur Pubbliku                       Kelliem għall-Ambjent

 

15.01.2018