ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja ippreżenta Private Member’s Bill lill-Uffiċju tal-Ispeaker tal-Kamra sabiex jiġu protetti l-mezzi tax-xandir f’Malta kontra azzjonijiet ta’ SLAPP. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament.

David Agius qal li f’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna rajna kumpaniji bħal Henley & Partners u Pilatus Bank jheddu lil ġurnalisti u portals tal-aħbarijiet Maltin b’passi legali li jinvolvu spejjeż esaġerati. Huwa qal li l-intenzjoni wara dawn il-kawżi mhi xejn ħlief intimidazzjoni tal-ġurnalisti u ripressjoni tal-istampa libera.

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed tappoġġja din il-Private Member’s Bill ippreżentata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi. Huwa qal li l-Parlament għandu jipproteġi l-libertà tal-espressjoni mhux bil-kliem sabiħ imma bil-fatti konkreti, filwaqt li  stieden lin-naħa tal-Gvern biex tingħaqad ukoll wara din l-emenda fil-liġi.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-hekk imsejħa SLAPP – Strategic Lawsuit Against Public Participation – hija maħsuba purament biex issikket lil min xogħlu huwa li jinvestiga u jippubblika. Jason Azzopardi qal li dan il-fenomenu issa qiegħed imiss lill-mezzi tax-xandir Maltin ukoll, b’kamra tal-aħbarijiet wara l-oħra jkollhom iħassru dak li jkunu ppubblikaw meta kumpaniji kbar jhedduhom b’rovina finanzjarja permezz ta’ kawżi miġjuba apposta fi Qrati barranin bi spejjeż legali eżorbitanti.

Jason Azzopardi qal li kemm Henley & Partners kif ukoll Pilatus Bank abbużaw b’dan il-mod u qed jippruvaw jagħmlu sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti li qed isegwu l-passi moħbija tagħhom. Dawn iż-żewġ kumpaniji, tenna Jason Azzopardi, huma qrib ħafna tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u għalhekk appella lill-Prim Ministru biex jagħti sinjal ċar u jgħid fuq liema naħa qiegħed – fuq in-naħa tal-libertà tal-espressjoni jew in-naħa tas-soppressjoni tal-informazzjoni.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja qal li l-miżuri SLAPP fl-aħħar mill-aħħar mhumiex kontra l-organizzazzjonijiet tax-xandir, iżda kontra ċ-ċttadini u d-dritt tagħhom li jinfurmaw rwieħhom. Hija ħaġa inaċċettabbli li n-nies jibqgħu fid-dlam dwar dak li jkun qed isir għax il-kumpaniji l-kbar jintimidaw lill-ġurnalisti, tenna Jason Azzopardi, u qal li l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva biex tieqaf lil din il-forma ta’ bullying.

Jason Azzopardi spjega kif il-Private Member’s Bill li ressaq għad-diskussjoni tal-Parlament tipproponi Abbozz ta’ Liġi li ġġib emenda f’Artiklu 827 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. L-għan ta’ dan l-Abbozz, qal Jason Azzopardi, huwa biex il-Qrati Maltin ma jippermettux kawżi miġjuba minn Qrati barra minn Malta meta dawn ikunu maħsuba biex jiċċensuraw, jintimidaw, jew iwaqqfu xi forma ta’ kritika milli ssir f’Malta billi jġiegħelu lill-organizzazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni jħallsu spejjeż legali projbittivi.

Preżenti kien hemm ukoll il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.