ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-investigazzjoni mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadda l-isptar St Luke’s, Karin Grech, u L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil VGH mingħajr ebda mandat elettorali, u bi ftehim li nżamm mistur mill-pubbliku.

Permezz tal-membri tagħha fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, l-Oppożizzjoni ressqet talba formali lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga dan it-trasferiment u jġib ċarezza dwar kif saru l-affarijiet.

It-termini ta’ referenza imfassla mill-Uffiċju ta’ Verifika juru kemm għandu raġun il-Partit Nazzjonalista li jesprimi tħassib serju dwar il-mod kif sar id-deal bejn il-Gvern u Vitals; dwar jekk dan jirrapreżentax valur għal flus in-nies; u dwar it-trasferiment tal-konċessjoni lil kumpanija terza għoxrin xahar minn mindu ġie ffirmat il-kuntratt oriġinali.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li t-tmexxija tal-isptariijiet għandha tirrifletti l-interessi tal-pazjenti u tal-qasam tas-saħħa, u mhux l-interessi ta’ negozjanti moħbija.

17.01.2018