ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista għadha tħalli l-frott sal-lum, iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu l-ebda pjan għal pajjiżna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

Adrian Delia qal li l-inawgurazzjoni ta’ V18 uriet kemm il-pajnijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu bil-għaqal u għall-ġid tal-poplu kollu. Huwa qal li l-proġetti kollha li qed jiftahar bihom huma kollha frott il-ħidma ta’ gvernijiet Nazzjonalisti. Iżda, l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux biss ma jippjanax fit-tul għall-pajjiż imma l-uniċi pjanijiet li jagħmel huma għal interessi ulterjuri, tenna l-Kap tal-Parrtit Nazzjonalista. Huwa qal li proġett wara l-ieħor li suppost kellu jwettaq il-Gvern ta’ Joseph Muscat irriżultaw f’falliment.

L-Għalliema ingannati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-fjask tal-American University of Malta juri li l-prijoritajiet tal-Gvern mhumiex l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa qal li huwa tajjeb li jiġi nvestiment fl-edukazzjoni, speċjalment fin-nofsinhar ta’ Malta iżda huwa staqsa għaliex investiment bħal dan il-Gvern fdah f’idejn kuntrattur Ġordaniż, li gie Malta fl-intenzjoni biss li jieħu l-aħjar art tagħna u jagħmel il-flus minnha. Adrian Delia qal li dan huwa serq sfaċċat u l-obbligu tal-Oppożizzjoni huwa li jġib din l-art lura lill-poplu.

Il-Gvern m’għandux pjan għall-edukazzjoni u lanqas għall-għalliema, qal Arian Delia. Huwa qal li l-Gvern ħareġ jiftaħar li ta l-aqwa pakkett li qatt kellhom l-edukaturi iżda wara ftit jiem dawn stess indunaw li kien ingannahom u qed jipprova jidħaq bihom. Adrian Delia qal li l-edukazzjoni huwa settur li jixraq l-akbar importanza iżda l-Gvern ta’ Joseph m’għandu rispett ta’ xejn lejh.

Il-Gvern ibaxxi s-servizz tas-saħħa

In-nuqqas ta’ pjan jidher ukoll b’mod ċar fis-settur tas-saħħa, tenna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-morda jeħtieġu l-aqwa u l-aħjar iżda l-Gvern Labursita issa qiegħed jumiljahom, u magħhom lill-eluf ta’ ħaddiema u professjonisti li jiddedikawhom rwieħhom għall-kura tal-pazjenti. Adrian Delia semma’ kif il-Gvern iddeċieda li jaqbad tliet sptarijiet pubbliċi u jagħtihom lil xi ħadd li m’għandu l-ebda esperjenza f’dan is-settur kritiku.

Mhux talli hekk, qal Adrian Delia, talli ħadd ma jaf min hemm wara din il-kumpanija u issa għandhom il-poter li jbigħu is-servizz tas-saħħa tagħna biex huma jagħmlu l-flus minn fuqna. Huwa qal li dan il-proġett kien maħsub mill-bidu biex ifalli għaliex jew il-Gvern ikollu jieħu lura l-isptar u jħallas penali fuq ksur ta’ kuntratt, inkella jbigħu kollox bi qliegħ lil kumpanija terza.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Ministru tas-Saħħa stess ammetta  li d-deal mal-kumpanija l-ġdida huwa l-ftehim ta’ vera u staqsa għaliex, allura, kien hemm il-bżonn tal-Vitals. Adrian Delia qal li din il-ġimgħa fil-Parlament huwa stieden lil Chris Fearne sabiex jagħmel dak li huwa sew u jieħu l-isptarijiet lura f’idejn il-poplu.

Adrian Delia qal li kuljum il-poplu qiegħdin iħallsu €190,000 mingħajr ma jieħu lura xejn u l-Gvern obbliga lill-pajjiż jibqa’ jħallas dan l-ammont għallinqas għal 30 sena sħaħ.

Il-Gvern issa qed jirriskja mal-ekonomija

Il-Gvern jaf li fis-sitwazzjoni li ġab fuq Malta issa qiegħdin nilgħabu mar-reputazjoni ta’ pajjiżna, qal Adrian Delia. Huwa fakkar li żewġ oqsma ekonomiċ importanti għal pajjiżna – il-Gaming u s-servizzi finanzjarji – jiddependu fuq l-isem ta’ Malta, iżda l-Gvern għażel li jirriskja ma’ dan. Ir-rapport tal-Kumitati speċjali tal-Parlament Ewropew jikkonferma dak li ilu jwissi l-Partit Nazzjonalista: li Malta għandha numru ta’ difetti li qed inawwru il-pedamenti tas-saltna tad-dritt, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tmexxija rresponsabbli tal-Gvern għall-iskopijiet tiegħu qed tipperikola l-impjieg ta’ eluf ta’ nies b’mod dirett u għexieren ta’ eluf oħra b’mod indirett.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iqum għal darb’oħra għal okkażjoni storika sabiex nieqfu lill-Gvern milli jkompli jnawwar il-pedamenti ta’ pajjiżna, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-messaġġ ta’ kuraġġ u favur is-sewwa mhuwiex messaġġ għall-Partit Nazzjonalista iżda għal pajjiżna. 

21.01.2018