ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Laburista qed jipprova jgħawweġ il-liġi biex jisraq lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar mill-Kunsill Lokali li għażlu huma. Wara manuvrar minn kunsilliera Laburisti u oħrajn li qed isejħu lilhom infushom indipendenti, il-kandidat li ġabet l-akbar numru ta’ voti fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali Graziella Galea irriżenjat minn Sindku bl-ewwel interess lejn il-lokalità.

Għall-kuntrarju, l-interess tal-Kunsilliera Laburisti huwa biss wieħed partiġġjan u ilhom għal din l-aħħar sena u nofs jippruvaw jostakolaw il-ħidma tal-kunsill fuq toroq, fuq spazji pubbliċi, u fuq proġetti għall-ġid tal-komunità.

Taħt it-tmexxija bil-għaqal tal-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dawwar is-sitwazzjoni minn dejn ta’ nofs miljun Ewro, li wiret minn Kunsill Laburista, għal bilanċ pożittiv ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Ewro.

Kunsill Lokali mexxi mill-Partit Nazzjonalista għamel xogħol li jixraq lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar fuq toroq u servizzi ta’ ilma fi Triq il-Mosta, Trq il-Qalb ta’ Ġesù, u Triq is-Sajjied fost l-oħrajn. Ix-xogħol għadu għaddej u din il-ġimgħa stess tlestiet Triq il-Pijunieri. L-istess Kunsill b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista għamel pjanijiet serji u kiseb fondi għal xogħol ieħor bħar-restawr tal-Kappella ta’ San Pawl tal-Ħgejjeġ, u pjan holistiku sabex jinbidlu l-playing fields kollha tal-lokalità. Waħda minn dawn se tiġi inawgurata proprju fil-jiem li ġejjin.

Minkejja dan, kien hemm Kunsilliera li għażlu li jittradixxu l-fiduċja tar-residenti li vvutawlhom sabiex javvanzawl-ambizzjonijiet personali tagħhom billi kienu jfixklu l-laqgħat u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Lokali.

Il-Kunsilliera li ressqet il-mozjoni għar-riżenja attendiet biss għal żewġ laqgħat sħaħ minn erbgħin, u issa l-Kunsilliera Laburist qed jipproponu li s-Sindku l-ġdid ikun magħżul minn fosthom, minflok skont dak li vvutaw ir-residenti.

Il-liġi hija ċara meta tgħid li s-Sindku l-ġdid għandu jkun ġej mill-istess partit politiku li jkun ġab l-aktar kunsilliera fl-elezzjoni. Iżda l-Partit Laburista prova jisraq dan ill-kunsill billi jgħawweġ il-liġijiet u jinjora x-xewqat espressi mill-komunità ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Partit Nazzjonalista jassigura liċ-ċittadini ta’ San Pawl il-Baħar li se jkun wara dawk il-kunsilliera li huma leali lejn ir-residenti u mhux lejhom infushom. Fil-fatt, din il-ġimgħa stess Carm Mifsud Bonnici u Errol Cutajar ressqu mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti f’isem il-Partit Nazzjonalista sabiex tiġi protetta u rispettata l-għażla demokratika ta’ San Pawl il-Baħar.

Graziella Galea

Kunsilliera San Pawl il-Baħar

Errol Cutajar

Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista

21.01.2018