ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Gvern qiegħed jitratta l-istaff akkademiku tal-MCAST bħala ħaddiema tat-tieni klassi meta jirrifjuta li joffrilhom il-kundizzjonijiet li jixirqulhom. MInkejja li jieħu kull okkażżoni biex jiftaħar bl-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, il-Gvern qed ikompli jixxaħħah mal-edukaturi.

L-istudenti wkoll qed iħossu l-effett ta’ dan id-diżgwid b’mod dirett, u filwaqt li huma jridu jippreparaw rwieħhom għall-eżamijiet, l-għalliema tagħhom qed ikunu kostretti mill-Gvern biex jirrikorru għal azzjonijiet industrijali..

Minħabba l-ebusija ta’ rasu, il-Gvern qed iġib qsim fis-settur tal-edukazzjoni li minħabba fih qed ibatu kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti.  Wara li fi żmien il-Milied il-Gvern ħabbar li kien se joffri l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom l-għalliema, meta għaddew il-festi dawn irrealiżżaw li dan kien biss kliem fieragħ.

Id-dettalji li ġew żvelati minn dan il-ftehim huma daqqa ta’ ħarta għall-għalliema li żgur m’għandhomx bżonn aktar demotivazzjoni u skoraġġiment. Wieħed jifhem għalhekk għaliex il-Gvern ried jasal għal qbil kollettiv minn wara dahar l-għalliema.

Is-sitwazzjoni fl-edukazzjoni ilha snin għaddeja minn kwistjoni għal oħra mingħajr sens ta’ direzzjoni ċara jew responsabbiltà politika. Issa l-Gvern ħaseb li se jsikket lil kulħadd billi joffri lill-għalliema pakkett finanzjarju li kien jidher ikbar milli fil-fatt huwa. Il-Gvern fittex ukoll li jpoġġi l-għalliema kontra l-Union tagħhom stess meta rabat lill-MUT milli tiżvela d-dettalji tal-ftehim li sar f’isimhom.

Minflok jinvesti bis-serjetà fl-edukaturi, il-Gvern qed jipprova jidħaq bihom. Donnu il-Gvern Laburista ma jifhimx li l-għalliema jiffurmaw is-soċjetà ta’ għada u li għalhekk id-disprezz lejn xogħlhom ma jwassal għal xejn ħlief nuqqas ta’ preparazzjoni u opportunitajiet għal uliedna.

Therese Comodini Cachia

Kelliem għall-Edukazzjoni

23.01.2018