ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-mewt ta’ tifla Niġerjana ta’ seba’ snin hija aħbar traġika li nisslet sens ta’ dieqa u thassib. Il-mewt ta’ din il-persuna innoċenti u vulnerabbli li kienet taħt il-ħarsien tal-Gvern qed tqajjem ħafna mistoqsijiet li jeħtieġ li jiġu mwieġba. Il-Partit Nazzjonalista jitlob li sseħħ ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu jirrispondi għal numru ta’ domandi fundamentali:

·         Għaliex il-Gvern dam 24 siegħa sieket fuq dan il-każ u qagħad lura milli jinforma lin-nies kif inhu xieraq?

·         Għaliex il-Gvern prova jagħti x’jifhem li t-tifla kienet taħt ir-responsabbiltà tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Ħaż-Żabbar meta fil-verità din kienet taħt il-kura tal-Aġenzija tal-Gvern stess, Appoġġ?

·         Veru li it-tifla ma rċivietx il-kura neċessarja fil-ħin, meta din kienet tbati minn kundizzjonijiet gravi u kroniċi?

·         Veru li it-tifla ma ngħatatx l-għajnuna hekk kif kienu taw il-parir il-care workers tagħha għal diversi xhur?

·         Liema hija l-verità: li t-tifla mietet id-dar fejn kienet residenti jew li mietet fuq l-ambulanza?

·         Min se jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li seħħ?

Din l-aħbar ta’ swied il-qalb tkompli turi kemm il-qasam tal-kura u l-assistenza huwa mportanti għas-soċjetà tagħna u il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-opportunità biex iħeġġeġ lill-Gvern ifittex isib qbil  mal-professjonisti tal-kura b’mod partikolari fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS).

Clyde Puli

Kelliem għall-Familja u s-Solidarejtà Soċjali

24.01.2018