ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed jgħawweġ il-verità

Il-MInistru tal-Ġustizzja qed jipprova jdawwar il-verità meta jgħid li l-Oppożizzjoni tikkonividi l-mod kif qed jimxi l-Gvern. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’reazzjoni għall-kummenti tal-Ministru Owen Bonnici quddiem il-Parlament Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Bonnici konvenjentament nesa jgħid lill-Parlament Ewropew li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq li għandhom jirriżenjaw il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali filwaqt li jinbidlu l-liġijiet f’pajjiżna sabiex jissaħħu tassew l-istituzzjonjiet.

Adriand Delia stieden lill-Mnistru Bonnici biex isir dibattitu serju fil-Parlament sabiex tibda titranġa il-ħsara li qed issir lil pajjiżna minħabba l-mod oxen li bih qed jaġixxi l-Gvern.

Jekk tassew irid il-ġid lil Malta, il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jara li jitneħħew minn posthom Ministri u Uffiċjali għolja li qiegħdin taħt investigazzjoni, tenna Adrian Delia. Huwa qal li jekk ma jittieħdux il-passi neċessarji, pajjiżna se jkompli jbati l-konsegwenzi.

Adrian Delia qal li Owen Bonnici mhux qed jifhem li huwa l-aġir tal-Gvern li qed jagħmel ħsara lil Malta, u mhux il-Partit Nazzjonalista li qed jikkundana dak li qed isir ħażin. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed, għall-kuntrarju, jikkundanna dak li qed jagħmel il-Gvern meta qiegħed iħalli r-reputazzjoni ta’ pajjiżna titkisser.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk jiskatta Artiklu 7 tal-Unjoni Ewropea kontra Malta, jkun ifisser ir-rovina ta’ pajjiża u l-Oppożizzjoni qed tagħmel minn kollox biex tiddefendi lil Malta u  turi li dan huwa pajjiż li jrid in-normalità. Huwa l-Gvern ta’ Joseph Muscat, tenna Adrian Delia li issa jrid jieħu l-passi li hemm biex jara li dan ma jseħħx.

Qabel mal-Gvern jagħmel dak li għandu jagħmel, il-kliem li jgħid il-Ministru Bonnici ma jistax jitwemmen, temm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

26.01.2018