ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Graziella Galea, Anne Fenech, Antionette Bezzina, Daniel Grima u Dounia Borg jinnotaw b’sodisfazzjoni li l-pagi tal-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta San Pawl il-Baħar tħallsu. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-istqarrija mimlija tgħawwiġ u gideb li l-Kunsillieri Laburisti flimkien mal-Kunsillieri hekk imsejħa indipendenti ħargu aktar kmieni.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti kollha jiddikjaraw li bħala grupp kienu minn ta’ quddiem nett li ddikjaraw li l-ħaddiema tal-Kunsill ma kellhomx jiġu affettwati minn dan it-taqlib li għaddej minnu l-Kunsill bħalissa u offrew l-għajnuna kollha possibbli sabiex ikun garantit il-ħlas tal-ħaddiema.

Wara li l-Gvern, fuq parir legali mill-Avukat Ġenerali lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, irrifjuta li jagħmel tajjeb għall-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li l-eks Sindku Graziella Galea hija membru tagħha, daħlet għal dan il-piż bil-kundizzjoni li meta l-Kunsill jerġa’ jibda jiffunzjona, dan l-ammont jiġi rifuz lill-Assoċazzjoni.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jirringrazzjaw lill-President u l-membri kollha tal-Assocjazzjoni għas-sens qawwi ta’ maturità li urew billi ġabu l-interessi tal-ħaddiema l-ewwel u mhux kif għamel il-Gvern billi ħasel idejh wara parir legali. Li kien għal Gvern, kieku llum, minn tal-inqas seba’ familji spiċċaw bla paga.

Graziella Galea

Kunsilliera u Kap tal-Grupp Kunsillieri PN San Pawl il-Baħar

Anne Fenech

Kunsilliera San Pawl il-Baħar

Antoinette Bezzina

Kunsillier San Pawl il-Baħar

Daniel Grima

Kunsillier San Pawl il-Baħar

Dounia  Borg

Kunsilliera SanPawl il-Baħar

27.01.2018