ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa mibni fuq gideb li ħoloq huwa stess iżda issa l-maskra qed taqa’ u n-nies qed jaraw li kien qed jidħaq bihom. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-Mellieħa bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat inqabad iqarraq dwar is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna, is-servizi edukattivi, u l-proġetti infrastrutturali. B’dan il-qerq qed ibatu l-professjonisti li jipprovdu s-servizz u l-poplu Malti kollu.

Il-Gvern jigdeb dwar is-servizz tas-saħħa

Il-Gvern Laburista ġie jitmejjel ukoll mis-settur tas-saħħa, qal Adrian Delia. Huwa tenna li dak li ġara fil-każ tal-kuntratt ma’ VGH mhux żball jew sfortuna, iżda kien pjan maħsub mill-bidu nett sabiex ifalli u xi ħadd jiggwadanja minn flus il-poplu.

Adrian Delia qal li kuljum qed toħroġ informazzjoni ġdida li tikonferma kif dan il-ftehim kien sar biex minnu jibbenefikaw il-proprjetarji moħbija ta’ Vitals. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa nkixef ukoll li VGH marru jieħdu dejn fuq l-art li ħadu mingħand il-poplu u tenna li kellu raġun li jgħid li dan il-ftehim huwa agħar minn serq.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jigdeb biex isalva ġildu

Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna hija tassew gravi meta l-Ministru tal-Ġustizzja nnifsu, minflok spjega lill-Parlament Ewropew x’se jagħmel biex jirranġa il-ħsara li qed iġib il-Gvern, ivvinta li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jappoġġja lill-Gvern. Owen Bonnici għażel li jigdeb bl-aktar mod sfaċċat u qed jipprova jqarraq bil-poplu, tenna Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir irresponsabbli tal-Gvern Laburista qed ikisser ir-reputazzjoni u il-fibra ta’ pajjiżna, u li l-konsegwenzi ħżiena ta’ dan diġà qed jinħassu. Adrian Delia qal li dak li bnew bil-għaqal Gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi qiegħed issa jiżżarma sistematikament mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-Gvern jigdeb dwar l-edukazzjoni

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru qed jigdeb meta jgħid li l-art fiż-Żonqor hemm bżonnha biex tinbena università ġdida. Minn 4,000 student li kien qal li se jiġu jistudjaw Malta, il-kumpanija Ġordinża ġabet biss 15, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tersaq fil-Parlament sabiex tiddefendi lill-Maltin u tara li l-Gvern jerġa’ jagħti lura l-art li nsterqet mingħand in-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li huwa ta’ għajb għall-Prim Ministru li jipprova jumilja l-Università ta’ Malta meta jqabbilha mal-American University of Malta li hija mmexxija minn kumpanija li m’għandha l-ebda rekord relatat mal-edukazzjoni.

Id-disprezz tal-Gvern Laburista lejn l-edukazzjoni jidher ukoll fl-MCAST: proġett li twieled b’viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u li Gvern Laburista dejjem oppona, qal Adrian Delia. Huwa semma’ kif il-Gvern qed ikompli jwebbes rasu mal-għalliema, tant li issa qed jitwaqqfu wkoll mid-dritt li jipprotestaw.

Il-Partit Nazzjonalista kien dejjem dak li ġġieled biex ikollna edukazzjoni ħielsa u ta’ kwalità għolja, qal Adrian Delia. Huwa qal li, għall-kuntrarju ir-rekord tal-Partit Labursta huwa li jipprova jżomm in-nies fl-injoranza sabiex iżomm kontroll fuqhom. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat bidel biss il-maskra iżda fundamentalment baqa’ jaħsibha l-istess dwar l-edukazzjoni, żied il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Gvern jigdeb dwar l-investiment fit-toroq

Adrian Delia qal li l-Gvern iridna nemmu li se jonfoq €700 miljun f’seba’ snin sabiex jirranġa t-toroq f’pajjiżna. Huwa semma’ kif fil-fatt diversi toroq fin-nofinhar ta’ Malta ilhom issa maqlugħin għal xhur sħaħ b’detriment għar-residenti tal-lokalitajiet. Adrian Delia qal li din il-ġimgħa stess huwa żar toroq f’Marsaxlokk, iż-Żejtun, u ż-Żurrieq fejn suppost qed isiru x-xogħilijiet iżda sab li kollox jinsab assolutament wieqaf.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-negozji fil-madwar qed ibatu minn dan kollu u li l-kummerċ ħa daqqa ta’ ħarta minħabba t-toroq maqlugħin u mitluqin. Adrian Delia fakkar kif is-Sindku ta’ Marsaxlokk stess – Sindku Laburista – kellu jilmenta formalment mal-Prim Ministru dwar l-istat diżastruż tat-toroq li suppost qed isir ix-xogħol fuqhom.

In-nies qed iduru fuq il-Partit Nazzjonalista

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar nies qed jaraw li l-unika tama għal pajjiżna hija l-Partit Nazzjonalista, qal Adrian Delia, u għalhekk kull ġurnata iżjed u iżjed nies qed jimpenjaw rwieħhom sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ. Adrian Delia qal li l-poplu jixraqlu u jeħtieġ Partit Nazzjonalista pożittiv u Oppożizzjoni b’saħħitha.

28.01.2018