ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq juri solidarjetà mal-ħaddiema li għadhom kif tilfu x-xogħol minn mal-kumpanija tal-gaming Betsson. Juri wkoll solidarjetà mal-familji tagħhom.

Jixtieq jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu għal din is-sitwazzjoni ta’ diqa għal kulħadd meta daqstant ħaddiema jitilfu x-xogħol tagħhom f’daqqa.

Għalkemm hemm numru ta’ ħaddiema barranin li tilfu x-xogħol ukoll, dawn illum huma parti mill-ekonomija Maltija għax jieħdu sehem ewlieni fiha, speċjalment bl-infiq li jagħmlu u l-kirjiet li jħallsu.

F’dan il-mument diffiċli għal dawn il-ħaddiema kollha, hu importanti li l-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien biex dan is-settur jibqa’ joffri impjiegi tajbin lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dan hu settur li nbena fuq is-sisien sodi u l-investiment li ġibed pajjiżna grazzi għall-viżjoni fit-tul tal-Partit Nazzjonalista fil-ħolqien ta’ setturi ġodda u l-bini tal-infrastruttura fiżika, legali u edukattiva għalihom kif ukoll l-atmosfera ekonomika vibranti u kożmopolitana ta’ pajjiżna, speċjalment wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Hu importanti, għalhekk, li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaħdmu flimkien ħalli dan is-settur jibqa’ sostenibbli għat-tul u jegħleb l-isfidi li jkollu minn żmien għal żmien, fosthom l-isfidi għar-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-ħaddiema fil-qasam tal-gaming huma ħaddiema kapaċi u versatili li bis-saħħa tax-xogħol tagħhom l-ekonomija tagħna kibret f’settur li llum hu wieħed mill-akbar kontributuri għat-tkabbir tal-ekonomija tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li ditti oħrajn f’dan il-qasam joffru impjiegi biex jassorbu dan it-telf ta’ impjiegi minn mal-Betsson.

Il-Partit Nazzjonalista lest jagħti kull appoġġ u għajnuna lil dan il-qasam u lill-awtoritajiet biex dan is-settur importanti u s-settur usa’ tal-ekonomija diġitali jibqgħu jissaħħu u joffru impjiegi ta’ kwalità b’pagi tajbin kif għandha bżonn l-ekonomija tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li, kif għamel meta kien fil-gvern, pajjiżna jkompli joħloq setturi ekonomiċi ġodda li jagħtu bilanċ u stabilità lill-ekonomija tagħna u joffru lill-ħaddiema tagħna l-aħjar kundizzjonijiet f’setturi mxaqilbin lejn il-futur.

F'dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista jkompli jisħaq ukoll fuq l-importanza li nħarsu u ntejbu r-reputazzjoni ta' pajjiżna ħalli Malta tibqa' tkun minn ta' quddiem fl-għażla ta' investituri barranin.

Kristy Debono

Kelliema għall-Gaming, Servizzi Finanzjarji, u IT

29.01.2018