ŻOMM AĠĠORNAT:

Malta u Spanja igawdu minn relazzjoni tajba ħafna bejniethom u ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex din tkompli tissaħħaħ. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Ambaxxatur ta’ Spanja għal Malta Don José María Pons Irazazábal.

Adrian Delia qal li i Spanja u Malta għandhom sfidi komuni fl-Ewropa u fil-Mediterran u li t-tnejn jistgħu jgħinu lil xulxin sabiex jinstabu soluzzjonijiet tajbin għaċ-ċittadini. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa nteressat li jkompli jiskopri modi ġodda ta’ kollaborazzjoni li jkunu ta’ ġid għaż-żewġ pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa imħasseb fuq is-sitwazzjoni politika delikata fi Spanja bħalissa iżda esprima l-fiduċja tiegħu li l-affarijiet se jinbidlu għall-aħjar,

Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Don José Pons irringrazzja lill-Adrian Delia tal-istedina u qal l-Ambaxxata ta’ Spanja kellha dejjem relazzjon tajba ħafna mal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li Spanja sofriet mill-kriżi finanzjarja tal-2009 iżda qal li kull ma jmur is-sitwazzjoni qed titjieb għal kulħadd.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u mill-Kelliem għall-Affarijiet Ewropej David Stellini.

31.01.2018