ŻOMM AĠĠORNAT:

L-Oppożizzjoni hija favur li ssir reviżjoni tal-Fuel Service Stations Policy u temmen li l-policy eżistenti tagħti lok għall-abbuż u qed twassal biex tinqered art verġni barra miż-żona tal-iżvilupp għall-bini ta’ fuel service stations ġodda u għar-rilokazzjoni ta’ dawk diġà eżistenti.

L-Oppożizzjoni hija favur ir-rilokazzjoni ta’ fuel service stations eżistenti li jinsabu fil-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna u li qed jikkawżaw inkonvenjent u perikli kbar għar-residenti. Dan huwa proċess li mhux biss għandu jitkompla iżda għandu jiġi mħeġġeġ li jsir mis-settur privat fl-aħjar interess tal-kommunitajiet tagħna.

Għalhekk l-Oppożizzjoni temmen li huwa meħtieġ li bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni tal-policy, b’mod immedjat għandu jitħejja studju li permezz tiegħu jiġi stabbilit in-numru ta' fuel service stations li pajjiżna għandu bżonn u dwar l-istat u s-sit fejn jinsabu dawk diġà eżistenti.

Dan l-istudju huwa meħtieġ mhux biss minħabba n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet li jinsabu pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar iżda wkoll fid-dawl tal-fatt li kull ma jmur pajjiżna, bħall-bqija tal-pajjiżi Ewropej, miexi lejn inqas użu ta’ fossil fuels u iktar lejn vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Pajjiżi bħal Franza u l-Ingilterra diġà ddikjaraw li sas-sena 2040 il-vetturi kollha f’pajjiżhom għandhom ikunu jaħdmu bl-elettriku. Għalhekk ikun żball kbir li pajjiżna jibqa' jeqred art verġni biex jinbnew fuel service stations meta nafu li l-viżjoni fit-tul f’dan il-qasam huwa l-użu ta' vetturi li jaħdmu bl-elettriku.

L-Oppożizzjoni tisħaq li t-tfassil tal-istudju u r-reviżjoni tal-policy għandhom jinkludu proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, inkluż mal-operaturi f’dan is-settur, mal-Kunsilli Lokali u mal-għaqdiet ambjentali.

L-Oppożizzjoni ser tkun qed tipparteċipa b’mod sħiħ f’dan il-proċess bil-għan li din il-policy titjieb u tkun waħda li tassew tissalvagwardja l-ambjent ta’ pajjiżna.

Karol Aquilina                                                                   Ryan Callus

Kelliem għall-Ambjent                                                       Kelliem għall-Artijiet u l-Ippjanar

31.01.2018