ŻOMM AĠĠORNAT:

Minkejja li l-Prim Ministru ħames snin ilu kien qed iwiegħed li Malta kienet se tkun l-aqwa fl-Ewropa, ir-realtà hi li Malta llum qiegħda fl-agħar post li qatt kienet kemm ilu jkun pubblikat l-indiċi tad-demokrazija mill-Economist Intelligence Unit (EIU).

L-EIU għadu kemm ippubblika r-rapport tiegħu u l-indiċi tad-demokrazija għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja fl-2017 (paġna 13, ħolqa aktar ’l isfel).

Dan l-agħar post li qatt kellha Malta f’dan l-indiċi hu riżultat tal-attakk fuq il-libertà tal-istampa li qed iseħħ f’Malta mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Fil-fatt, Malta ġiet lura ħafna fil-kejl tal-EIU dwar il-libertà tal-istampa u qiegħda fl-istess livell ta’ pajjiżi bħall-Panama, il-Botswana, ir-Repubblika Domenikana u n-Namibja (paġna 39).

Dan l-indiċi li l-EIU għadu kemm ippubblika għall-2017 juri wkoll li fl-aħħar sena Malta sofriet l-akbar waqgħa minn fost il-pajjiżi Ewropej (paġni 10 u 22). Il-klassifika tad-demokrazija ppubblikata mill-EIU (paġna 5) turi wkoll li, b’din il-waqgħa qawwija, Malta ġiet qrib li tkun klassifikata bħala demokrazija difettuża.

Dak li wassal għal din l-akbar waqgħa u l-agħar post għal Malta hu l-attakk fuq il-libertà tal-istampa. Fil-fatt, Malta hi fost erba’ pajjiżi biss Ewropej li m’għandhomx libertà sħiħa tal-istampa (paġna 51). It-Turkija biss hi agħar minn Malta f’din il-klassifika tal-libertà tal-istampa.

Fir-rapport tiegħu, l-EIU jgħid li Malta sofriet l-akbar waqgħa għall-agħar post li qatt kellha f’dan l-indiċi wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-EIU jikkummenta wkoll li f’Malta issa hawn dubji kemm il-Gvern irid jinvestiga delitti sensittivi u dwar jekk il-liġi hix l-istess għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jurix it-tħassib tiegħu għal din l-agħar waqgħa ta’ pajjiż Ewropew u l-agħar post li qatt kienet fih Malta f’dan l-indiċi u jsejjaħ lill-Gvern biex ma jibqax jipprova jimmanifattura l-miti imma jibda jara r-realtà.

Clyde Puli MP

Segretarju Ġenerali

31.01.2018