ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista beda juri li huwa partit innovattiv bi pjan li jhares fit-tul maħsub biex itejjeb il-ħajja ta’ n-nies. Il-PN mhuwiex partit tal-flus jew tal-ħabi, iżda partit tal-qalb u tan-nies. U n-nies jidher li bdew jifhmu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u qed jaraw x’hemm wara l-maskra ta’ Muscat. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt Attività Politika bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’ fis-Siġġiewi.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jibni il-politika tiegħu fuq tliet prinċipji ċari:

•              Il-korruzzjoni trid tinqered u min qed jikser il-liġi irid iħallas ta’ għemilu;

•              Politika li iżżomm il-persuna sħiħa fiċ-ċentru tagħha, b’ħarsa speċjali fuq il-vulnerabbli, il-problemi tal-faqar u s-solitudni;

•              Programm politiku serju li jħares fit-tul lejn il-ġid komuni u il-ġenerazzjonijiet futuri.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex imdawwar kollu mal-personalità tal-Kap tiegħu. Għall-kuntrarju, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mibni fuq ġabra ta’ nies li lesti jaħdmu flimkien biex jiġġieldu għall-istess valuri ta’ ġid komuni, demokrazija u ta’ libertà.

Partit innovattiv

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonailsta qed ikun tassew innovattiv bil-mod kif iħares lejn il-politika fosthom billi jinkludi portafolli ġodda biex iħares il-Governanza t-Tajba, jippjana fit-tul l-infrastruttura tal-pajjiz u biex jaghti wens lill-vulnerabbli bhal dawk li qed isofru minn solitudni u problemi ta’ vizzji u dipendenzi.

VITALS Kawża ta’ Qerq

Huwa qal li l-ebda gvern qatt ma ħaseb għal dan, inqas u inqas il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna erġajna wasalna fi żmien fejn irridu nispjegaw lill-barranin li l-Maltin mhux kollha korrotti, u li l-ħaddiema tagħna huma serji u onesti.

Adrian Delia qal li filwaqt li Joseph Muscat jitkellem biss dwar is-surplus, huwa ma jagħtix każ tal-problemi vera li qed jaffaċċjaw in-nies. Il-kirjiet medja għolew minn €250 ghal aktar €700 fix-xahar iżda l-Gvern suppost soċjalista qiegħed kull darba jippostponi l-azzjoni konkreta dwar dan, tenna Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hija ironika li l-Gvern qed jagħti l-miljuni ta’ Ewro lill-propretarji mistura tal-VGH meta hemm 63,000 ruħ li qed jistennew l-ewwel appuntament għall-kura. Huwa qal li l-medja tal-istennija issa hija ta’ 250 ġurnata, tmien xhur. Jekk il-Gvern mhuwiex dispost li jgħin lill-persuni meta jkunu l-aktar fil-bżonn, qal Adrian Delia, aħseb u ara kemm se jgħinhom meta ma jkunux.

Joseph Muscat ma jistax ikun kredibbli meta jgħid li d-deal mal-Vitals kien wieħed onest, qal Adrian Delia. Sa Jannar ta’ din is-sena, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Gvern ta €50 miljun lill-VGH u wara li dawn m’għamlu xejn minn dak li wiegħdu, il-Ministru tas-Saħħa tahom iċ-ċans ibiegħu il-konċessjoni tal-ispatijiet lil min iridu huma.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled biex il-poplu jieħu lura dak li huwa tiegħu u jkollu servizz tas-saħħa li jixraqlu. Huwa semma’ kif din il-ġigħa stess huwa ippreżenta rikors il-Qorti f’isem il-grupp parlamentari sħiħ u qal li se jkompli jieħu l-passi neċessarji sakemm il-Gvern jagħti widen lin-nies.

04.02.2018