ŻOMM AĠĠORNAT:

L-ikbar stħarriġ huwa l-vot tagħna nhar is-Sibt li ġej. Għandna okkażjoni tad-deheb li nerġgħu nsiru poplu magħqud, ikollna pajjiż stabbli u reputazzjoni tajba li dejjem kellna. Illejla niltaqgħu fuq il-Fosos biex flimkien nuru li aħna preparati biex immexxu l-pajjiż il-quddiem u nkomplu nsaħħu l-Forza Nazzjonali li tgħaqqadna.

Qed nagħmluha ċara li aħna flimkien se mmexxu Gvern li t-tajjeb se nżommuh waqt li l-ħażin se nwarrbuh. L-ewwel ma rridu nwarrbu hija r-reputazzjoni ħażina li għamlilna Joseph Muscat fl-Ewropa u madwar id-dinja. Lanqas qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma konna assoċċjati ma’ pajjiż mifni bil-korruzzjoni. Ma nistgħux nippermettu dan kollu. U biex ma nippermettux dan, għażla waħda għandna quddiemna, li nhar is-Sibt nagħżlu Malta.

Se nagħżlu Malta għax konvinti li malli nġibu r-reputazzjoni lura, l-ekonomija tkompli tiġri l-quddiem u l-poplu kollu jgawdi mill-ġid li noħolqu lkoll flimkien.

Min hawn nirringrazzja u nammira lill-dawk l-eluf ta’ Maltin li fl-aħħar ġimgħat għarfu li din mhix elezzjoni bejn il-PN u l-PL iżda bejn Malta u Joseph Muscat.

Malli se nagħżlu Malta se nkunu qed jiggarantixxu li nerġgħu ngħixu b’moħħna mistrieħ; fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu favur iċ-ċittadini u mhux jgħattu lit-tmexxija korrotta.

Illum għandna quddiemna fuq 500 proposta li huma fattibbli. Se jgħinu lil kull wieħed u waħda minnha ngħixu l-verament meritokrazija, kontabilità u governanza li jixraqilna lkoll.

Ma nistgħux nitilfu din l-opportunità. Ma nistgħux nibqgħu kif aħna. Ma nistgħux ngħalqu għajnejna. Flimkien ejjew Nagħżlu Malta.