ŻOMM AĠĠORNAT:

Wasalna vera lejn l-aħħar. Għawdex ilbieraħ kienet esperjenza mill-aqwa u l-Għawdxin jafu li din id-darba l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit naturali tagħhom. Illhom jistgħu jqabblu min verament għandu Għawdex u l-Għawdxin għal qalbu.

Aħna urejna bi pjan ċar kif ntejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin b’mod radikali. L-għan hu wieħed li l-gżira Għawdxija tingħata ir-rispett, l-investiment, l-opportunitajiet li jixirqilha. Mhux se nagħmlu bħal ħaddieħor li ħaseb fl-Għawdxin erbat ijiem qabel l-elezzjoni biss. Gvern immexxi minni jiżgura li jerġa’ jkollna soċjetà ġusta u min għandu bżonn l-għajnuna se jsib Gvern li jgħinu, matul il-ħames snin sħaħ.

Ħbieb tiegħi, agħmlu kuraġġ. Ħaddieħor għaddej b’kampanja ta’ biża’ biex jippruvaw jaqtawlna qalbna. Il-Forza Nazzjonali hija ikbar minn kull interess personali tal-klikka ta’ Kastilja. Kastilja jixirqilha nies li jservu lill-poplu u mhux jisservew bil-poplu.

Muscat jista’ jagħmel proposti kemm irid u jikkopja kemm irid mill-proposti tagħna għax la m’għandux l-integrità, l-ebda politika ma tista’ tmexxi ‘l quddiem il-ħajja tan-nies.

Biss irridu nibqgħu nikkonvinċu sal-aħħar. Il-poplu Malti u Għawdxin jifhem il-mument li ninsabu fih. Inħeġġiġkom biex għada tingħaqdu magħna fuq il-Fosos tal-Furjana għall-mass meeting ta’ għeluq il-kampanja.

Inħeġġiġkom biex nhar is-Sibt tivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku. B’hekk biss niżguraw rebħa għall-Forza Nazzjonali u rebħa għal Malta.