ŻOMM AĠĠORNAT:

online_2.jpg

 

Adrian Delia 

Adrian Delia twieled fl-1969, għex u trabba ġewwa Birkirkara. Ħa l-formazzjoni akkademika tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi qabel studja u gradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1993.

Waqt li kien l-Università, Adrian ħadem f’Radio 101. Beda l-karriera professjonali bħala Avukat tal-MidMed Bank qabel ma fetaħ ditta legali li llum tħaddem madwar 45 ruħ. Bħala avukat, Delia kiseb reputazzjoni b’saħħitha u rrappreżenta diversi kumpaniji kemm Maltin kif ukoll barranin.

Bi kważi 25 sena esperjenza Adrian ħadem fil-qasam tal-public procurement u f’dak bankarju u serva wkoll bħala Direttur u Segretarju ta’ wieħed mill-Banek ewlenin Ewropej ġewwa Malta. Huwa wkoll liċenzjat bħala fiduċjarju mal-MFSA.
Adrian okkupa diversi rwoli oħrajn tat-tmexxija fosthom bħala l-president tal-FRBC u viċi president tal-Maltese Turkish Business Council. Huwa l-iktar magħruf bħala President tal-klabb tal-futbol Birkirkara FC fejn jibqa’ msemmi li rnexxielu jkun l-ewwel klabb Malti li rnexxielu jgħaddi għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni f’kompetizzjoni Ewropea.

Adrian huwa miżżewweġ lil Nickie Vella De Fremeaux u flimkien għandhom ħamest itfal; żewġt ibniet u tliet subien u jgħixu s-Siġġiewi. 

Chris Said

Chris Said ilu involut fil-politika ħajtu kollha. Serva bħala Sindku tan-Nadur għal kważi għaxar snin, Segretarju Parlamentari, Ministru u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Fiż-żmien li serva bħala Segretarju Parlamentari, Chris Said kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali, il-Konsultazzjoni Pubblika, l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Kompetizzjoni u r-Relazzjonijiet Industrijali. Irriforma l-Kunsilli Lokali, waqqaf il-MEUSAC u l-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni u saħħaħ l-MCESD. Bħala Ministru għall-Ġustizzja u l-Politika Soċjali witta t-triq għal riformi importanti. Ippreżenta fil-Parlament il-Freedom of Information Act u l-liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Flimkien Nissaħħu biex Nirbħu hija t-tema tal-kampanja tiegħu għal kap tal-Partit Nazzjonalista. Said qed iwiegħed partit dinamiku, modern u inklussiv, b'idejh fuq il-polz tas-soċjetà u b'politika rilevanti għall-futur tal-pajjiż.