ŻOMM AĠĠORNAT:

Nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru, se ssir l-elezzjoni għaż-żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. Għal din l-elezzjoni, bħalma ġara għall-ewwel darba fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jkunu eliġibbli biex jivvutaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Hawn taħt tista' ssib ftit informazzjoni fuq l-erba’ kandidati li se jkunu qed jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

Kandidati għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament

 WhatsApp_Image_2017-10-21_at_10.35.34.jpegDavid Agius      

Whip tal-Grupp Parlamentari għall-aħħar żewġ leġiżlaturi kemm fil-Gvern (2008-2013) kif ukoll fl-Oppożizzjoni (2013-2017).

Din hija r-raba’ leġiżlatura tiegħu. Elett Membru Parlamentari fl-2003. Elett fl-elezzjonijiet tal-2008 u fl-2013 mill-11-il distrett. Fl-aħħar elezzjoni kien elett minn żewġ distretti elettorali – il-11 u t-8 distrett. Qabel il-Parlament Nazzjonali, serva wkoll fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.

Kien attiv fl-għaqdiet studenteski f’isem l-SDM. Involut fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista sa minn żgħożitu – fl-MŻPN u s-Solidarjetà Ħaddiema - fejn serva wkoll fi rwoli internazzjonali fosthom Viċi President tal-EUCDW.  Kien fl-ewwel newsroom fil-bidu ta’ Radio101 u fuq ir-radju serva wkoll bħala xandar. Ħadem ukoll fuq NET TV.

Għandu 48 sena, miżżewweġ lil Debbie u għandhom żewġt itfal – Davinia u Désirée.

 

 

 
 

 Edwin_Vassallo.jpgEdwin Vassallo      

Edwin Vassallo beda l-karriera politika tiegħu bħala Kunsillier fl-ewwel Kunsill Lokali tal-Mosta fl-1994. Huwa ikkontesta għal-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali fl-1996 fejn ġie elett bħala Membru Parlamentari.

Edwin ikkontesta b’suċċess ukoll l-elezzjonijiet ġenerali tal-1998, 2003 u l-2008. Bejn l-1998 u l-2008, Edwin Vassallo serva bħala Segretarju Parlamentari, fejn fost l-oħrajn kien responsabbli mis-Self Employed.Fl-2015 huwa ġie elett Sindku tal-Mosta fejn dam sa’ Novembru 2016. F’Novemberu 2016, wara rebħa f’kawża kostituzzjonali fil-qrati Maltin, Edwin Vassallo reġa’ sab postu fil-Parlament Malti. Fl-2017, Edwin Vassallo reġa kkontesta b’suċċess l-elezzjoni ġenerali fejn ġie elett għas-seba’ terminu tiegħu fil-Parlament Malti.

Edwin miżżeweġ lil Caroline u għandhom żewġ subien: JohnPaul ta’ 10 snin u Francesco ta’ 6 snin.

 

 

 

 

 Kandidati għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit

Robert_Arrigo.jpgRobert Arrigo      

B’esperjenza kbira bħala Chairman ta’ kumpaniji ewlenin fit-turiżmu, Robert Arrigo hu magħruf għall-organizzazzjoni u għall-bini ta’ negozji ta’ suċċess għat-tul.

Fil-politika, Robert beda man-nies f’Tas-Sliema bħala Sindku u mbagħad fuq livell nazzjonali bħala Deputat Parlamentari fejn dejjem żied il-voti. Kien elett fl-aħħar tliet elezzjonijiet mid-9 u l-10 distrett u ġie t-tielet fost id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni. Robert ta kontribut fil-futbol bħala President ta’ Gżira Utd u imbagħad ta’ Sliema Wanderers meta l-club rebaħ erba’ kampjonati u diversi kompetizzjonijiet oħrajn.

B’edukazzjoni fil-Kulleġġi Stella Maris u San Alwiġi, u imbagħad fl-Università ta’ Malta. Robert ilu miżżewweġ lil Marina għal 39 sena u għandhom lil Andrew u Alan.

 

 

 

 

 

Toni Bezzina      Toni_Bezzina.jpg

Toni Bezzina huwa deputat parlamentari u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja u-Sajd. Fl-2017 u fl-2013 il-Perit Bezzina kien elett mill-ħames distrett elettorali fejn kiseb l-għola ammont ta’ preferenzi fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa okkupa diversi karigi fil-Partit Nazzjonalista: Kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura, membru tal-Kumitat Eżekuttiv, Rappreżentant tal-Ħames Distrett fil-Kumitat Eżekuttiv, President tal-Kumitat Sezzjonali taż-Żurrieq, Kunsillier fil-Kunsill Ġenerali u membru tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Birżebbuġa. Toni Bezzina twieled l-Imqabba fl-1969.Attenda l-Liceo Vassalli, Tal-Ħandaq u wara kompla fis-Sixth Form, l-Imsida. Attenda l-Istitut Tekniku George Grognet De Vasse fejn segwa l-kors ta’ Architect Assistant & Draughtsman. 

Bejn l-1996 u l-1998 attenda l-Università ta' Malta fejn kiseb Diploma fl-Istudji Diplomatiċi mill-Akkademja Mediterranja ta' Studji Diplomatiċi u wara l-kors fil-Ġestjoni fil-Kostruzzjoni fil-Fakultà tal-Arkitettura u Inġinerija Ċivili. Fl-1998 iggradwa bħala Perit. Huwa kiseb Masters fl-Istudji Diplomatiċi mill-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies.