ŻOMM AĠĠORNAT:

Mhux normali f’demokrazija li Kap tal-Oppożizzjoni jkollu jmur għand Maġistrat b’files kollha evidenza dwar korruzzjoni. U lanqas mhu normali li minħabba dan kollu Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni bikrija u jiprova jagħti l-impressjoni li xejn mhu xejn. Il-maskla ta’ Muscat issa nkixfet kollha. Tant qed imiss il-qiegħ li qed jirrikorri għall-intimidazzjoni. Ilbieraħ erġajna ffaċċjajna theddida oħra għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Il-klikka korrotta marret tiftaħ kwerela għand il-pulizija biex tintimida lil dawk li ħarġu l-informazzjoni biex jiġu żvelati l-każi li huwa mdaħħal fihom Keith Schembri. Din xokkanti! Iżda fuq kollox ikomplu juru kemm l-evidenza hija s-sewwa magħruf. Pruvaw jiddieħku għax preżentajt tmien files. Il-Maġistrat issa jaf x’fihom il-files u kif diġà  għidt jekk Joseph Muscat se jibqa’ jinsisti fil-gidba li qed jemmen hu biss, kif għidt ma naħsibiex darbtejn li nippubblika l-evidenza li ressaqt ilbieraħ. Iżda l-ewwel u mhux forsi jien niżgura l-protezzjoni massima lil dawk kollha li għax verament għandhom għall-qalbhom l-interessi  ta’ Malta resqu l-fatti.

Mhux ta’ b’xejn il-Partit ta’ Muscat qed jaqla’ kull qlajja u gidba biex jgħatti xturu! Issa ppublikaw il-manifest elettorali u lanqas biss kelma waħda ma jgħidu kontra l-korruzzjoni. Erba’ snin ilu wiegħed fuq li wiegħed kontra l-korruzzjoni. Din id-darba biex żgur ma jigdibx mhux iwegħdek ġlieda kontra l-korruzzjoni għax fil-manifest elettorali kiteb il-baħħ ħalli jkun jista’ jkompli jgħaffeġ u jaqbeż għall-klikka li tiftaħ il-kontijiet sigrieti l-Panama. Dan hu l-vera Muscat! Jpinġi kollox kbir, sabiħ, ileqq, pompuż u bix-xinxilli iżda mbagħad iqarraq, iħawwad, jidħak bik għax il-manifest elettorali ta’ Muscat hu dak li ma jgħidlekx u mhux dak li jgħidlek.

Għalhekk fit-3 ta’ Ġunju se nagħżlu Malta biex il-baħħ ta’ Muscat inxejnuh.