ŻOMM AĠĠORNAT:

Qed nieħu gost nikteb dawn il-kelmtejn kważi l-ewwel ħaġa kull filgħaxija. Kampanja Elettorali kif tafu m’hix faċli iżda li qed naqsam dawn il-mumenti mill-aqwa magħkom huwa ta’ sodisfazzjon u sens ta’ kburija li jien Malti. Jgħidu x’jgħidu l-oħrajn, jgħawġu kemm jgħawġu l-kliem, jien determinat u konvint li l-poplu se jivvota għall-bidla vera li hawn bżonn biex ikollna Gvern verament tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Kif tabilħaqq jixirqilna Gvern ta’ kulħadd, fl-aħħar jiem komplejna nħabbru numru ieħor ta’ proposti kkalkulati li minnhom se jgawdu eluf kbar ta’ ħaddiema. Fost dawn:

  1. Se nxejnu d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel (gender pay gap);
  2. Se nżidu sostanzjalment il-possibilità ta’ teleworking għall-ħaddiema tal-Gvern u nħeġġu l-privat jagħmel l-istess;
  3. Tal-inqas nofs il-membri tal-bordijiet pubbliċi kollha jkunu komposti minn membri nisa;
  4. Ser nipprovdu LSAs għal tfal b’diżabilità waqt is-Summer Schools u programmi oħra matul ix-xhur tas-sajf meta ma jkollhomx skola;
  5. Se ngħinu ħaddiema li jkunu telqu mix-xogħol għal xi żmien minħabba kundizzjoni ta’ mard.
  6. Se niġġieldu l-prekarjat inkluż li nwaqqfu l-iskema li l-GWU qed tagħmel profitt minna minn fuq 600 ħaddiem/a. Dawn il-flus ngħadduhom lill-ħaddiema nfushom.

Il-poplu se jgawdi minn dawn il-proposti u se niżguraw li l-ekonomija tkompli tikber u l-ġid jitqassam u jinħass minn ħafna iktar nies. Filwaqt li nkomplu nfehmu n-nies dwar dan kollu, kulħadd qed jintebaħ li l-oħrajn għadhom sal-lum iħammru wiċċ pajjiżna. Joseph Muscat għadu jirreżesti u ma jridx jindirizza l-Parlament Ewropew dwar il-leaks Panama Papers. Waqt il-laqgħa sabiħa li kellna ż-Żejtun qsamt magħkom li iktar ma jkompli jaħbi u jgħid li ma jridx jidher quddiem il-PANA Committee, iktar qed jagħmel ħsara lil pajjiżna. Dan ma nistgħux nieqfu nfehmuh lill-Poplu. Il-Partit Nazzjonalista mhux qed ikun negattiv iżda qed jgħid is-sewwa magħruf. U intom żgur taqblu miegħi li “s-sewwa jirbaħ żgur”, għajta li Joseph Muscat kkuppjaha 4 snin ilu iżda llum ma jistax jerġa’ jużaha. Is-sewwa huwa l-leħen tal-Forza Nazzjonali li ta’ kuljum qed issejħilna nagħżlu Malta.