ŻOMM AĠĠORNAT:

Dalwaqt nippublikaw il-manifest elettorali sħiħ. Żgur aħjar mil-Labour meta se niżguraw Governanza tajba. Kif? Ilbieraħ ħabbarna ħames proposti dwar dan.

  • Se naħtru Kummissarju tal-Pulizija ġdid b’mod temporanju mill-ewwel sakemm ikun ikkonfermat jew jinħatar xi ħadd ieħor b’żewġ terzi fil-Parlament.
  • Naħtru Maġistrat speċjali li jinvestiga l-korruzzjoni
  • Naħtru Kummissarju tal-Istandards fil-ħajja pubblika.
  • Nfasslu u nimplimentaw Kodiċi tal-Etika ġdid għall-Ministri u Membri Parlamentari
  • Nibdlu l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, wara studju serju u konsultazzjoni wiegħsa

Il-poplu japprezza li l-pajjiż ikun serju jekk min imexxih jagħti eżempju u jkun kontabbli tad-deċiżjonijiet li jieħu. Il-Partit Nazzjonalista se jilleġiżla favur iktar governanza tajba għax b’hekk biss nagħmlu qabża fil-kwalita’ li tibda tinħass fis-setturi kollha. Għalhekk b’governanza tajba, ntejbu l-ekonomija. Irid ikollok sisien sodi ta’ governanza biex verament il-ġid jinfirex sew. Għalhekk il-poplu qed jifhem li ma jistax ikollok Gvern li l-ogħla tmexxija tiegħu hija mifnija b’każijiet ta’ korruzzjoni. Dan qed inaqqar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u se jkompli jnaqqar l-oqsma ekonomiċi kollha li tant ilna naħdmu għalihom.

Ilbieraħ, Kristina u jien, għalaqna l-ġurnata billi żorna l-ħafna żgħażagħ li ltaqgħu bi ħġarhom fil-każin Nazzjonalista tal-Mosta. L-entużjażmu tagħhom jimlina b’iktar kuraġġ li l-għan tal-Forza Nazzjonali qed jinftiehem u iktar nies qed jagħmluh tagħhom. It-3 ta’ Ġunju iktar qed joqrob, u l-għażla favur Malta ukoll.