ŻOMM AĠĠORNAT:

It-tieni ġimgħa tal-kampanja bdejniha b’iktar proposti kredibbli u fattibbli. Ilbieraħ filgħodu spjegajna ftit mill-proposti tagħna favur il-familja u kif se nagħmlu biex insaħħu kull tip ta’ familja f’pajjiżna.

  • Se nestendu s-servizz ta’ child care għal kull tifel u tifla u mhux biss jekk il-ġenituri jaħdmu bilfors.
  • Se nżidu ċ-children’s allowance minn €450 għal €550 għal kull tifel u tifla. F’każ ta’ familji fuq paga minima, iċ-children’s allowance jitla’ b’€200 għal kull tifel u tifla.
  • Se naħdmu biex inżidu l-leave tal-maternità  minn 18 għal 22 ġimgħa - bl-erba’ ġimgħat miżjuda jiġu ssussidjati mill-Gvern u ndaħħlu 4 ġimgħat leave tal-paternità  għax nemmnu li anke l-missier għandu jkun aktar preżenti fl-ewwel jiem tat-twelid tat-tfal.
  • Is-Sick Leave tal-ħaddiema ikun jista’ jintuża mhux biss meta timrad int, imma anke meta jimirdu t-tfal.
  • Trasport tal-iskola b’xejn għat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.

Hemm min ikkritikana għax mhux noħorġu l-proposti tagħna. Inwegħdkom li l-proposti tagħna se jkunu iswed fuq l-abjad. Il-Partit Nazzjonalista ma jridx ikun Gvern li jaħseb għal ħames snin biss bħalma hu ffissat il-Partit Laburista. Muscat diġa qalulna li jridu biss jiggvernaw għal ħames snin oħra biss. Dan biex ikomplu jgħattu xturhom mill-korruzzjoni. Mhux vera li għandhom għal qalbhom il-poplu. Qed iwegħdu kull ma jiġi għal ħalqhom. Basta jippruvaw inessu il-korruzzjoni li iktar ma tibqa’ pjaga, iktar il-pajjiż imur lura. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk se jkompli jwassal il-messaġġ li din l-elezzjoni mhix elezzjoni tal-proposti biss iżda ta’ prinċipju. Iva, l-Partit Nazzjonalista se jkollu Programm Elettorali li se jilħaq lill-kulħadd – il-familji tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, l-anzjani tagħna. Iżda l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed xi ħaġa iktar importanti li Muscat falla bil-kbir u jistħu jsemmuha. Il-Partit Nazzjonalista jikxef u jxejjen il-korruzzjoni. Joseph Muscat jimlik bil-wegħdiet iżda jibqa’ jiddefendi l-korruzzjoni. Jipprova jagħmi lil kulħadd bil-wegħdiet bħal li jneħħi l-wires mit-toroq iżda ma jistax ineħħi l-korruzzjoni għax jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Filwaqt li għaddejjin bil-proposti u nfehmu l-messaġġ tagħna, illum ħriġna fatt li d-dokumenti tal-voti li se jitqassmu dalwaqt m’għandhomx security features li jiżguraw li d-dettalji tal-istess dokument ma jistgħux jitbagħbsu. Hija tal-mistħija kif id-dokument tal-vot jekk tigirfu b’idejk, tħassar il-linka; jew jekk taqbad tajjara bi spirtu, tista’ tħassar kull ma hemm fid-dokument tal-vot. Din hija inkredibbli. Turija ta’ kemm verament iridu jimminaw id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Ħbieb tiegħi, qed tifhmu kemm din mhix elezzjoni normali? L-oħrajn qed jagħmlu minn kollox biex jigranfaw ma’ kollox biex jibqgħu kkakmati mal-poter li lanqas kellhom ħila jżommuh għal ħames snin. Jien mhux se nħalli li pajjiżi jkompli jsib il-qiegħ. Fit-3 ta’ Ġunju ejja nagħżlu lil Malta.