ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN jinsisti li t-tarbija fil-ġuf tibqa’ rikonoxxuta
Il-Partit Nazzjonalista se jressaq emendi għal-liġi mressqa mill-Gvern dwar il- Vjolenza Domestika sabiex fil-liġi jerġa’ jidaħħal ir-rikonoxximent tat-tarbija fil-ġuf bħala parti intergrali tal-familja. Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech iltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Malta Unborn Child Movement (MUCM), li huwa moviment li jiġbor fih numru ta’ għaqdiet li qed jaħdmu favur id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf.
Claudio Grech qal li l-ħidma favur id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf għandha testendi f’oqsma oħra partikolarment dawk relatati mas-servizzi tas-saħħa għan-nisa li jkollhom tqala diffiċli. Għandha testendi wkoll f’qafas aktar b’saħħtu ta’ servizzi soċjali.
Claudio Grech faħħar l-inizjattiva tal-MUCM u enfasizza kif dan il-moviment huwa eżempju kif is-soċjetà ċivili għandha l-ħila u l-impenn li tingħaqad għall-ġid komuni f’suġġett daqstant delikat u importanti għas-soċjetà.
Il-Kordinatur tal-MUCM Tony Mifsud enfasizza li l-għan ewlieni li għalih jaħdem dan il-moviment huwa li t-tarbija fil-ġuf tingħata l-protezzjoni u l-ħarsien kollu neċessarju fis-soċjetà. Huwa tenna l-proposta tal-MUCM biex tiġi organizzata konferenza nazzjonali dwar l-ekoloġija tal-ġuf, li tista’ sservi ta’ pont ta’ konverġenza tal-ideat.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinnota kif mill-istħarriġ li ġie ppubblikat reċentament fil-MaltaToday, jidher biċ-ċar li m’hawnx lok għall-abort f’Malta. Dan hekk kif 97% tal-Maltin u l-Għawdxin ma jaqblux mal-introduzzjoni tal-abort.
Ir-riżultat tal-istħarriġ juri kif il-Maltin u Għawdxin lesti li jingħaqdu biex jiddefendu l-ħajja, speċjalment dik tat-tarbija, li tkun għadha fl-istadju li ma tistax tiddefendi lilha nnifisha.
Claudio Grech
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet u Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf
02.03.2018