ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-pożittività tal-Forza Nazzjonali hija n-nies. Il-Gvern ta’ Muscat din qed jaraha u tant hu mfixxkel li issa dar għat-tattiċi qarrieqa li jibgħat l-esponenti tiegħu jmur fuq ix-xandiriet politiċi biex jilgħab bis-sentiment tan-nies. Eżempju ta’ dan hu dak li rajna lbieraħ filgħaxija waqt l-ewwel xandira mill-iskeda tal-Awtorità tax-Xandir. X’faqar meta tara u tisma’ li jridu jattribwixxu affarijiet kundannabbli għat-taparsi qed ngħiduhom aħna. Il-Forza Nazzjonali kburija li mhux biss qed tgħid is-sewwa magħruf waqt din il-kampanja iżda qed inpoġġu n-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna. DiĠà ntrabatna b’diversi pjani konkreti li se jerġgħu jagħtu d-dinjità lill-ħaddiema u iktar flus fil-but. Fost dawn se nżidu:

  • 30,000 impjieg ta’ kwalità fis-settur privat, waqt li d-dħul medjan fl-industrija jiżdied b’25% u 30% tul ħames snin.
  • Jiddaħħal fil-Kostituzzjoni l-obbligu li l-baġit jinżamm ibbilanċjat, ħlief f’każi eċċezzjonali.
  • Nibnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ fiduċja, stmat, sigur u ġust.
  • Nikkonsolidaw il-pożizzjoni tas-setturi tas-servizzi finanzjarji, gaming, avjazzjoni, farmaċewtika, life sciences, manifattura avvanzata u loġistika.
  • Inwaqqfu Kunsill Ekonomiku bħala bord konsultattiv li jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar is-sostenibilità fit-tul tal-ekonomija. 

Dan mhux biss, għax ilbieraħ ħabbarna proposti li se ngħollu l-vuċi tal-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom. Kburi wisq li għandna 8 proposti mill-aqwa:

  • Skema ta’ Life Plans: Ftehim bejn il-Gvern u l-ġenituri biex ikunu jistgħu jserrħu rashom li uliedhom se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti, b’persuni mħarrġa li jieħdu ħsiebhom.
  • Djar fil-lokalità: Jiżdiedu d-djar apposta għal persuni b’diżabilità.
  • Sostenn lill-NGOs
  • Pensjonijiet Ġusti: Il-pensjoni għal min għandu diżabilità severa li timpedieh milli jaħdem, tgħola sal-livell tal-minimum wage, jiġifieri €170 fil-ġimgħa
  • Summer Schools: Ikun hemm Summer Schools maħsuba apposta għal tfal b’diżabilità.
  • Hearing Aids: Għajnuna finanzjarja konkreta lill-familji li jkunu jridu jixtru Digital Hearing Aids.
  • Service Dogs
  • Għajnuniet Strutturali: Jiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna finanzjarja lill-familji li jkollhom bżonn jgħamlu ristrutturar fid-djar tagħhom sabiex jieħdu ħsieb kif jixraq lil uliedhom.

Quddiem dan kollu il-Gvern ta’ Muscat qiegħed biss jipprova jipprovoka u jbeżża’. Iżda l-Forza Nazzjonali iktar ma tmur iktar tissaħħaħ għax kif qal l-eks Ministru Laburista Dr. Godfrey Farrugia li ngħaqad mal-Forza Nazzjonali għaliex ma jistax iħalli pajjiż marid mingħajr ma jiprova jfejqu.

Għalhekk din hi elezzjoni dwar il-prinċipji: Muscat m’għandux il-prinċipju tal- onestà u għalhekk m’għandniex nafdawh. Fit-3 ta’ Ġunju afdaw lilkom infuskom u b’forza kbira agħżlu Malta.